Internazzjonali

Il-pandemija: Ir-Renju Unit ikompli javviċina n-normalità

L-Ingilterra qed tkompli tnaqqas ir-restrizzjonjiiet għall-poplu fost konferma li l-ħwienet mhux essenzjali, il-gymnasiums u s-spas jistgħu jerġgħu jiftħu mit-12 ta’ April. Dan waqt li r-ristoranti fil-pajjiż se jkunu jistgħu jservu lin-nies fuq barra.

Fl-istess ħin, is-suġġerimenti li r-Renju Unit kapaċi jintroduċi ċ-ċertifikati ‘tal-Covid’ li juru li xi ħadd ikun ingħata l-vaċċin jew ittestja negattiv għall-virus qed jiġġenra ammont ta’ kritika.

Madankollu, il-Ministru Nadhim Zahawi, li hu responsabbli mill-Vaċċini, qal li r-Renju Unit qed iħares lejn l-għażliet kollha u li kull pjan li jirrigwarda ċ-ċertifikati irid jitressaq quddiem il-Parlament. Zahawi qal ukoll li l-vaċċin tal-Moderna se jibda jingħata fir-Renju Unit aktar ‘il quddiem dan ix-xahar.

Sadanittant, ir-residenti fl-Awstralja u New Zealand aktar tard fix-xahar se jkunu jistgħu jivvjaġġaw bejn l-artijiet ta’ xulxin mingħajr il-ħtieġa li jagħmlu żmien fi kwarantina.

Is-sistema li tippermetti għall-ivvjaġġar taħt sigurtà – u li hi magħrufa bħala ‘bubble’ – għandha tidħol fis-seħħ fl-Awstralja u New Zealand mid-19 ta’ April.

Min-naħa tagħha,  il-Korea ta’ Fuq għadha kemm ħabbret li mhix se tipparteċipa fl-Olimpjadi ta’ din is-sena, bir-reġim komunista fi Pyongyang itenni li ħa din id-deċiżjoni ‘biex jipproteġi lill-atleti tiegħu mill-Covid-19’.