Internazzjonali

Iżrael: Opportunità għal Netanyahu biex jifforma Gvern

Il-President ta’ Iżrael, Reuven Rivlin, talab lill-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu biex jifforma Gvern ġdid, wara li l-aħħar elezzjonijiet fil-pajjiż ma produċew l-ebda rebbieħ ċar.

Netanyahu – bħala l-Aġent Prim Ministru – hu l-għażla preferuta tad-deputati Iżraeljani biex jipprova jfassal koalizzjoni ġdida.La Netanyahu u lanqas il-partiti tal-Oppożizzjoni ma rebħu biżżejjed voti fl-elezzjoni ġenerali tax-xahar li għadda biex jaċċertaw mill-Gvern.

Dan meta l-elezzjonijiet ta’ Marzu kienu r-raba’ proċess elettorali f’sentejn u li hu rekord għal Iżrael. It-tliet elezzjonijiet preċedenti fil-pajjiż ukoll kellhom riżultati inkonklussivi.

Benjamin Netanyahu – bħala Kap tal-Partit Likud tal-lemin —  qed jingħata din l-opportunità biex imexxi pajjiżu għal darb’oħra fi żmien meta hu għaddej bi proċess tal-qorti fejn qed iwieġeb akkużi dwar frodi, tixħim u ksur tal-fiduċja tal-poplu.

Hu  qed jiċħad l-akkużi li fissirhom bħala parti minn kampanja bi skop politiku  u li skont hu qed imexxuha persuni li jixtiequ jagħmlulu l-ħsara.

Netanyahu issa għandu 28 jum ‘inizjali’ biex jipperswadi lill-partiti l-oħrajn rappreżentati fil-Parlament biex jissieħbu miegħu f’koalizzjoni ġdida. F’dan iż-żmien Netanyahu jista’ jitlob estensjoni ta’ ġimgħatejn, iżda jekk ifallilu l-impenn, l-opportunità għat-tfassil ta’ koalizzjoni għandha tgħaddi f’idejn ħaddieħor.