L-Istitut tal-Management Malti qed jappella lill-Gvern biex jirrevedi l-abbozz dwar il-Liġi tal-Interpretazzjoni li bħalissa tinsab quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti.
Il-MIM qed tgħid li dan l-abbozz mhux biss imur kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta imma jmur ukoll kontra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Din il-liġi, qalet il-MIM, mhux biss se teffettwa lill-membri tagħha, imma anke d-drittijiet tal-komunità tan-negozju u ċ-ċittadin privat.
L-Istitut spjega kif membri tiegħu diġà kienu s-suġġett ta’ inġustizzji varji fid-dawl ta’ leġislazzjoni li tmur kontra l-Kostituzzjoni, fosthom dawk li jagħtu saħħa lil entitajiet bħall-FIAU li joħorġu multi mingħajr id-dritt għall-appell.
Wieħed mill-prinċipji tal-ġustizzja naturali huwa d-dritt ta’ smigħ xieraq. Dan jitlob tribunal indipendenti u imparzjali kif garantit mill-Kostituzzjoni.
Il-MIM qalet li l-emendi għall-liġi tal-Interpretazzjoni iċaħħad dan id-dritt għaliex jagħti d-dritt lil awtorità pubblika li tiddeċiedi fuq reat kriminali anke jekk dak ir-reat ikun sar kontra l-istess awtorità.
B’dan il-mod, l-awtorità taġixxi ta’ prosekutur u mħallef fl-istess ħin.
Din l-emendi, kompla l-MIM, mhux dwar xi ċitazzjoni tat-traffiku ta’ ftit ewro, imma tista tkopri penali ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro, bħal fil-każ tal-MFSA, u fejn jistgħu ikunu imposti mingħajr il-proċess meħtieġ tal-liġi.
Effett dirett ta’ dawn l-emendi jista’ jkun it-tnawwir tal-fiduċja li pajjiżna tista’ tattira investiment barrani.
Il-MIM temmet l-istqarrija tagħha billi qalet li tittama li permezz ta’ konsultazzjoni anke mal-Kummissjoni Venezja, il-Gvern jirtira dan l-abbozz.
//= $special ?>