Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq allegat każ ta’ vjolenza domestika fuq ommu

Raġel ta’ 34 sena, residenti Ħaż-Żabbar inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Marsannne Farrugia li kkommetta vjolenza domestika fuq ommu ta’ 65 sena.

L-akkużat li tressaq mill-Ispettur Audrey Micallef wieġeb mhux ħati li nhar il-Ħadd li għadda u fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel b’mod repetut ikkaġuna biża li kienet se tintuża’ vjolenza fuq ommu f’diversi postijiet.

Huwa ġie mixli wkoll li ffastidjaha, li arresta u ssekwestraha kontra l-volontà tagħha. Huwa ġie mixli wkoll li nsulenta lil ommu, li nġurjaha u li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni.

Gie mixli wkoll li nhar il-Ħadd li għadda bejn is-7.30pm u t-7.45pm f’Ħaż-Żabbar ma’ obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li fixkilhom mill-jaqdu d-dmirijiet tagħhom u ndaħal fi dmirijiethom.

Intalbet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-omm minn naħa tal-prosekuzzjoni li ġie milqugħa. Saret talba għall-ħelsien mill-arrest mill-avukat tal-akkużat Charmaine Cherrett li iżda f’dan l-istadju ma ġietx milqugħa.