Lokali

L-Assoċjazzjoni Medika twissi dwar ‘titjiriet bla kontrolli’ u attivitajiet tal-massa

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija wissiet li l-prattika bħalissa ta’ swab test bl-addoċċ ta’ passiġġieri fuq titjiriet mhux biżżejjed u tippreżenta riskji serji li persuni li jkunu pożittivi għall-virus iferrxuh fost passiġġieri oħrajn kemm fuq l-ajruplan innifsu kif ukoll fl-ajruporti.

Fi stqarrija, l-MAM sejħet għal iktar kontrolli fl-Ajruport qabel ma jerġgħu jiżdiedu t-titjiriet għaliex il-prattiċi ta’ bħalissa huma ta’ riskju serju għas-saħħa pubblika u t-turiżmu.

Hi qalet li swab test negattiv jew ċertifikat ta’ tilqim għandhom ikunu preżentati qabel xi ħadd jirkeb fuq l-ajruplan sabiex wieħed iħares lill-pajjiż mir-riskju li jidħol xi varjant ġdid tal-virus.

L-Assoċjazzjoni Medika qalet li kwalunkwe ftuħ għandu jkun wieħed gradwali u akkumpanjat b’monitoraġġ qawwi ibbażat fuq evidenza xjentifika.

Il-MAM qalet ukoll li hi kontra li jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq attivitajiet tal-massa jew attivitajiet oħra fejn mhux realistiku li jinżammu d-distanzi soċjali qabel pajjiżna jkollu l’hekk imsejjħa herd immunity. Il-herd immunity hu stmat li tinkiseb meta 70 fil-mija tal-popolazzjoni tkun imlaqqma b’żewġ dożi.

L-Assoċjazzjoni Medika irrimarkat li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu donnha qed tippjana parties kummerċjali. Hi saħqet li dawn it-tip attivitajiet għandhom ikunu fost l-aħħar jiftħu għaliex il-varjant tar-Renju Unit jittieħed ħafna iktar u b’avveniment wieħed jista’ jkollna mijiet ta’ każi fi ftit jiem.