Lokali Saħħa

L-EMA mħassba dwar ir-rabtiet li jista’ jkun hemm bejn it-tilqima tal-AstraZeneca u l-każi ta’ trombożi

“Hija ċara li hemm konnessjoni bejn il-vaċċin tal-AstraZeneca u l-każi rarissimi ta’ trombożi għalkemm s’issa mhux ċar x’qed jikkawża tali reazzjoni”.

Sostna dan l-uffiċjal għoli tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, responsabbli mill-vaċċin, it-Taljan Marco Cavaleri f’intervista fuq il-ġurnal, ‘Il Messaggero’ fejn insista li hemm relazzjoni bejn dawn il-każi u t-tilqima madanakollu għalissa dan għadu mhux ċar.

Huwa insista li t-trombożi ċelebrali qed ikunu aktar spissi fost persuni mlaqqma ta’ età iżgħar minn ħamsin sena, partikolarment nisa u għaldaqstant spjega li s-sitwazzjoni qed tiġi analizzata bir-reqqa.

Għaldaqstant Cavaleri mhux qed jeskludi li l-EMA tindika xi limiti lil min l-AstraZeneca tista’ tiġi mgħotija – per eżempju tingħata biss lil persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena.

Intant, Armando Genazzani – uffiċjal li jagħmel parti mill-kumitat tal-EMA li japprovaw il-mediċini saħaq li l-effett tal-AstraZeneca huwa wieħed effikaċi ħafna fejn għandha x’taqsam il-battalja tal-pandemija madanakollu jaf qed ikollu effett kollaterali fuq in-nisa, u għaldaqstant insista li huwa importanti li ċertament f’dan l-istadju…nisa taħt il-55 sena jevitaw li jiġu mlaqqma b’dan il-vaċċin.