Knisja Lokali

L-iskejjel tal-Knisja jinsistu li “is-saħħa mentali taż-żgħażagħ hi prijorità”

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja (CSA) huma serjament imħassba dwar diversi punti proposti fil-white paper dwar “l-użu responsabbli tal-kannabis”.

Fid-dawl tal-proposti mressqa, is-Segretarjat u s-CSA jisħqu li għandha tingħata prijorità għall-konsegwenzi marbuta mas-saħħa mentali taż-żgħażagħ kif ukoll dwar tisħiħ ta’ kultura ta’ konsum ta’ droga fost il-ġenerazzjonijet żagħżugħa ta’ issa u tal-futur.

Għalhekk, qed jappellaw lill-membri parlamentari sabiex iżommu dejjem
l-ewwel u qabel kollox is-saħħa mentali taż-żgħażagħ u mhux l-interessi tal-ftit li ser jistgħanew minn fuq dan in-negozju.

Is-Segretarjat u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja jaqblu u jappoġġjaw bis-sħiħ il-punti msemmija fl-istqarrija konġunta tal-Caritas Malta, il-Fondazzjoni Oasi u l-Assoċjazjoni tal-Psikjatri f’Malta, li tispjega diversi konsegwenzi negattivi għaż-żgħażagħ u tfal Maltin u Għawdxin, kemm il-darba l-liġi tgħaddi kif propost.