Internazzjonali

L-Istati Uniti impenjata biex tistimola l-ftehim nukleari mal-Iran

L-Istati Uniti ssieħbet mill-ġdid f’taħditiet indiretti biex jistimolaw il-ftehim nukleari tal-potenzi tad-dinja mal-Iran u li l-Gvern Amerikan immexxi mill-eks President Donald Trump kien abbanduna fl-2018.

It-taħditiet fi Vienna (fl-Awstrija) qed jinvolvu wkoll ir-rappreżentanti tal-pajjiżi l-oħra msieħba fil-ftehim storiku u wara li l-Iran, fl-aħħar xhur, abbuża numru ta’ kriterji li suppost jillimitawlu l-programmi nukleari.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden kien għamilha ċara minn qabel li ried li pajjiżu jkun parteċipi fil-ftehim storiku minħabba s-sitwazzjoni delikata li teżisti mal-Iran bħalissa. Fil-ftehim storiku tal-2015 mal-Iran kienu involuti wkoll ir-Renju Unit, iċ-Ċina, Franza u r-Russja – l-istess bħall-Ġerrmanja u l-kumplament tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, fil-jiem li jmiss iridu jinsabu l-mezzi biex jitneħħew is-sanzjonijiet li Donald Trump kien impona fuq l-Iran. Dan waqt li r-reġim Iżlamiku f’Tehran irid jaqbel biex jirrispetta mill-ġdid il-limiti li kienu ġew miftiehma għall-programm nukleari tiegħu.

L-Iran qal li mhux se jissieħeb f’laqgħat wiċċ-imb-wiċċ mal-Istati Uniti qabel jitneħħew is-sanzjonijiet. Intant, kelliema għall-Gvern Amerikan mhumiex jistennew xi żblokk sinifikanti qabel sensiela ta’ taħditiet diffiċli. Intant, il-potenzi jridu jaraw jistgħux isibu qbil mal-Iran dwar roadmap li jaċċerta li n-naħat kollha jżommu mal-obbligi skont il-patt nukleari.

Fl-istess ħin, kelliema tal-Gvern Iranjan sostnew li l-partijiet involuti fil-ftehim jistgħu, ‘il quddiem, isewwu ‘il-proċess ħażin li kien ħalla d-diplomazija f’sitwazzjoni staġnata’.