“Dan mhux żmien li tittajjar il-bandiera tal-Partit Laburista u lanqas il-bandiera tal-Partit Nazzjonalista. Dan hu żmien li fih qed nissejħu biex ningħaqdu flimkien bħala Nazzjon wieħed u ntajru l-Bandiera Maltija.” Hekk qalu l-President tad-Djalogu Socjali u Kandidat Ivan J. Bartolo u l-Kandidat Paula Mifsud Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista.
Paula Mifsud Bonnici saħqet li pajjiżna ta’ kuljum jisma’ bi storja ġdida li qed tkompli thedded ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u fejn kull storja qed tkompli tagħti daqqa ta’ ħarta lill-politika nnifisha. “Il-politika għandha tibqa’ servizz fejn il-ġid komuni għandu dejjem jiġi l-ewwel u qabel kollox, fejn il-persuna għandha tibqa’ dejjem fiċ-ċentru tal-politika u tal-politiċi”, qalet Paula Mifsud Bonnici.
Hi kompliet tgħid li wara l-apoloġija mitluba mill-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca u l-eks Membru Parlamentari Laburista Maria Camilleri, flimkien ma’ oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela għadu sal-lum ma skużax ruħu u lanqas ma ħa ebda forma ta’ azzjoni kontra kulmin ħammeġ il-politika u l-unur ta’ pajjiżna, filwaqt li jibqa’ jinħeba wara l-iskuża li dawn l-istejjer ma sarux fi żmienu.
“Għalhekk il-poplu qed iħossu tradut u hu fid-dover tagħna lkoll li naraw li l-pajjiż jerġa’ jsir pajjiż normali, jerġa’ jqum fuq saqajh u jkollu viżjoni politika ġdida, fejn il-ġid li jiġġenera dan il-pajjiz verament jitqassam bejn kulħadd u bejn min l-aktar li għandu bżonn billi noħolqu setturi ekonomiċi ġodda li jiġġeneraw aktar xoghol u xogħol ta’ kwalità lil kulħadd, ekonomija li ġġib l-investiment fil-pajjiż u li tirrispetta l-ambjent tagħna, pajjiżna mmexxi minn politiċi serji li jwassal lil Malta u li Għawdex jerġgħu jkunu verament ta’ kulħadd u mhux tal-ftit”, qalet Paula Mifsud Bonnici.
Min-naħa tiegħu, il-President tad-Djalogu Soċjali tal-Partit Nazzjonalista Ivan J. Bartolo qal li jeħtieġ li pajjiżna jagħraf malajr l-isfidi li għandu quddiemu u, filwaqt li nwarrbu d-differenzi tagħna, niffokaw fuq dak li jgħaqqadna. Hu qal li “s-sitwazzjoni preżenti, fejn qed joħroġ dejjem aktar ċar li hemm politiċi li ffokaw fuq ir-regħba minflok fuq dak li għandu bżonn il-pajjiż, qed thedded is-serenità, il-prosperità, l-integrità u d-dritt kollettiv li ngħixu f’pajjiż normali u li dan sahansitra qed iwassal biex persuni prominenti u importanti qrib il-Partit Laburista qed jinkoraġixxu lill-istess Partit Laburista biex jagħmel apoloġija lill-poplu Malti għall-imġieba irresponsabbli u malizzjuża li ġabet lil dan il-pajjiż għarkupptejh”.
Sahaq li pajjiżna jrid joħloq setturi ekonomiċi ġodda ħalli tassew inħaddmu politika fejn ħadd ma jibqa’ lura, fejn niġġeneraw il-ġid u nqassmuh b’mod ġust bejn kulħadd u għax ngħożżu l-ġid ta’ kull wieħed u waħda minna, inżommu lill-persuna fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Meta dan iseħħ, kompla Ivan J. Bartolo, mill-ġdid inkunu qed niġbdu l-investiment, noħolqu xogħol ta’ kalibru, intejbu l-edukazzjoni tagħna u s-sitwazzjoni fil-housing, inseddqu l-għożża għall-anzjani tagħna, intejbu l-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u fuq kollox, noħolqu ġejjieni aħjar għaż-żgħażagħ, li huma l-unika tama għall-ġejjieni.
//= $special ?>