Futbol Sport

Rebħa komda għal Real Madrid fl-ewwel leg fuq Liverpool

(Ritratt: EPA)

Fl-ewwel leg tal-kwartifinali tal-UEFA Champions League, fl-Alfredo Di Stefano Stadium, Real Madrid għelbu lil Liverpool 3-1. Dan kien l-ewwel konfront bejn iż-żewġ timjiet sa mill-finali tal-istess kompetizzjoni fl-2018 meta dakinhar Real Madrid kienu rebħu 3-1 ukoll.

Real Madrid fetħu l-iskor fis-27 minuta meta minn pass fit-tul ta’ Toni Kross, VINICIUS niżżel tajjeb b’sidru qabel ma’ daħal fil-kaxxa u kkonkluda fil-baxxa għal wara Alisson. Liverpool naqsu milli jwettqu reazzjoni u Real Madrid irduppjaw fis-36 minuta meta minn pass ieħor fit-tul ta’ Kross, f’tentattiv li jbiegħed il-periklu, Trent Alexander-Arnold niżżel il-ballun f’saqajn MARCOS ASENSIO li qabbeż minn fuq il-goalkeeper u kkonkluda għal 2-0. Fit-42 minuta, it-tim ta’ Zinedine Zidane resaq viċin li jagħmilhom 3-0 wara żball difensiv ta’ Ozan Kabak, Marcos Asensio reġa ġie waħda iżda din id-darba Alisson għalaq tajjeb.

Liverpool skorjaw gowl importanti barra minn darhom meta wara ġirja tajba ta’ Georginio Wijnaldum, għadda lejn Diogo Jota li sab lil MOHAMMED SALAH li kkonkluda minn taħt Courtois għal 2-1. Real Madrid reġgħu fetħu vantaġġ doppju fl-64 minuta meta VINICIUS skorja t-tieni gowl tiegħu u t-tielet wieħed għal Real Madrid meta kkonkluda fuq pass ta’ Modric għall-skor finali ta’ 3-1.