Internazzjonali

Russja: Navalny mill-ġdid ma jiflaħx…

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Russu Alexei Navalny jinsab marid, fost rapporti li ilu żmien ibati minn sogħla persistenti u deni.

Filwaqt li r-rapporti referew għal ‘każi ta’ tuberkulożi’ fil-ħabs fejn qed jinżamm Navalny, spikka wkoll rapport li dan il-kritiku ewlieni tal-President Russu Vladimirt Putin issa spiċċa trasferit lejn ‘taqsima medika’ biex ikun trattat għal sintomi ta’ mard tan-nifs.

Alexei Navalny, il-ġimgħa l-oħra, kien iddikjara strajk tal-ġuh u l-avukat tiegħu li mar jarah fil-ħabs qal li ‘Navalny jinsab ħażin u tilef ħafna mill-piż li kellu’.

Fil-preżent, Alexei Navalny qed jiskonta l-ħabs fuq kundanna dwar frodi wara li sentenza sospiża li ngħatatlu fl-2014 inbidlitlu fi priġunerija.

Dan wara li hu rritorna pajjiżu mill-Ġermanja fejn kien dam ix-xhur jingħata trattament għal attentat fuq ħajtu b’kimika velenuża li tattakka lin-nervaturi tal-ġisem.