Lokali

Appell mill-OHSA biex ikun hemm sigurtà kif suppost fuq il-post tax-xogħol

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol, l-OHSA qalet li rnexxielha tiddentifika l-post u titkellem mal-persuni involuti f’ritratt ippubblikat it-Tlieta fil-midja soċjali.

Ir-ritratt juri ħaddiem qed iżomm ħabel forma ta’ ċinga marbuta ma’ persuna oħra bħala forma ta’ ċintorin tas-sigurtà waqt li kien qed jaħdem f’tarf ta’ gallerija, filwaqt li persuna oħra jżomm dan il-ħabel li kien liebes il-ħaddiem l-ieħor.

Fi stqarrija, l-OHSA qalet li r-ritratt la kien jagħti indikazzjoni ta’ meta ttieħed u l-anqas tal-post fejn ittieħed. Madankollu qalet li rnexxielha tiddentifika l-post u n-nies involuti u se tkompli bl-azzjonijiet fuq l-każ.

L-OHSA qalet li meta jittieħed ritratt bħal dan u jittella’ fuq il-mezzi tal-midja soċjali bla ma tkun infurmata, ifisser biss li l-ħaddiem se jitħalla jaħdem fil-periklu b’riskju għal ħajtu.

L-Awtorità qalet li s-sena li għaddiet wettqet mal-5,000 spezzjoni, ħarġet 2,000 ordni biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa, waqqfet 500 attività ta’ xogħol, u ħarġet iktar minn 300 multa.

Wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-OHSA fuq in-numri 21247677 jew 99496786 (wara l-ħin tax-xogħol) u fuq il-mezzi tagħha ta’ komunikazzjoni.