Coronavirus Lokali Sport

Athletics Malta tingħaqad fl-appell għat-tkomplija tal-isport kompetittiv

"Huwa ta’ diżappunt li l-isport mhux se jkun fost l-ewwel restrizzjonijiet li jitneħħew"

Athletics Malta (AM) tingħaqad mal-Aquatic Sports Association of Malta, il-Malta Basketball Association u l-Malta Football Association f’appell lill-Gvern  u l-awtoritajiet tas-saħħa biex jippermettu li avvenimenti kompetittivi jkomplu fil-parametri ta’ sigurtà raġjonevoli.

Kif spjegaw tajjeb dawn it-tliet assoċjazzjonijiet, l-isport u r-rikreazzjoni fiżika kienu b’mod kostanti fost l-inqas kontibuturi ta’ trażmissjoni tal-vajrus. Aktar minn hekk, fil-każ tal-atletika, bil-miżuri u prekawzjonijiet meħuda minn AM, l-atleti tat-track and field għandhom riskju ferm iżgħar minn sport ta’ kuntatt jew sport prattikat ġewwa.

Huwa għalhekk ta’ diżappunt li l-isport mhux se jkun fost l-ewwel restrizzjonijiet li jitneħħew.

Aktar minn hekk, AM hi konxja ta’ kemm l-isport huwa għodda li matul din il-pandemija jista’ jnaqqas l-impatt fuq is-saħħa mentali fil-komunità. Dan jimxi id f’id ma dak li sostenew bosta NGOs, bħal Richmond Foundation dwar l-impatt kbir li l-pandemija kellha fuq is-saħħa mental tal-popolazzjoni kollha.

Bħall-assoċjazzjonijiet sportivi l-oħra, Athletics Malta temmen li l-avvenimenti tat-tim nazzjonali tal-kbar għandhom jingħataw priorità, hekk kif atleti ta’ età kbar huma aktar konxji tar-riskji involuti.

Il-President ta’ Athletics Malta, Andy Grech spjega: “Mal-bidu ta’ Ġunju tbda lista twila ta’ avvenimenti internazzjonali u b’hekk dan huwa l-mument ideali li jerġgħu jibdew l-attivitajiet, b’rispett tas-sigurtà tal-atleti, uffiċjali u kowċis. Għandna dejjem inżommu f’moħħna li l-avvenimenti internazzjonali huma l-priorità ewlenija tagħna u li sessjonijiet tekniċi ta’ taħriġ mhumiex biżżejjed biex niżgura l-ħila tal-atleti tagħna li jikkompetu fuq livell internazzjonali”.

Grech żied jgħid li “sfortunatament il-waqfa tal-isport kompetittiv qed twassal biex il-kompetituri tagħna jkollhom vantaġġ ferm akbar milli diġà għandhom. Jekk l-entitajiet governattivi jridu jwasslu l-isport fil-livell li jmiss, nħeġġu lil dawk kollha involuti biex jibdlu d-deċiżjonijiet tagħhom kemm jista’ jkun malajr”.