Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa

COVID-19: X’ser jinbidel mit-Tnejn li ġej?

Min-nhar it-Tnejn jibdew jiftħu l-iskejjel; il-bars u r-ristoranti jinżammu magħluqa
  • Min-nhar it-Tnejn li ġej se jibdew jiftħu l-iskejjel. L-ewwel studenti li se jirritornaw l-iskola se jkunu tal-kindergarten u tal-Primarja.
  • Min-nhar it-Tnejn li ġej se jiftħu wkoll ic-childcare centres.
  • Min-nhar l-Erbgħa 14 ta’ April se jiftħu l-middle schools.
  • Mis-16 ta’ April jirritornaw l-istudenti tal-Form 3, 4 u 5. Dawk post-sekondarji se jibqgħu jsiru online.
  • Min-nhar it-Tnejn se jkomplu wkoll l-operazzjoni skedati.
  • Min-nhar it-Tnejn ukoll se jerġgħu jibdew isiru ż-żjarat fid-Djar tal-Anzjani
  • Fis-26 ta’ April – jibdew jiftħu l-ħwienet kollha.
  • Ir-regola ta’ 2 persuni se tinbidel għal 4 persuna fis-26 ta’ April ukoll.
  • Jidher li matul April ir-ristoranti se jibqgħu magħluqin.
  • Mit-18 ta’ April se jerġgħu jibdew isiru l-quddies fil-Knejjes.
  • Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li qed isegwu l-aħħar aħbarijiet li qed joħorġu b’rabta mal-vaċċin tal-AstraZeneca.

Id-dettalji kollha li ħarġu mill-konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja:

Min-nhar it-Tnejn li ġej se jibdew jiftħu l-iskejjel Primarji, il-kinder u childcare centres. Iżda l-bars u r-ristoranti se jinżammu magħluqa. Il-Knejjes se jiftħu għall-quddies mit-18 t’April. Filwaqt li l-kampjonati sportivi għalissa mhux se jitħallew ikomplu.

Dawn huma biss uħud mill-miżuri l-ġodda b’rabta mal-pandemija illi tħabbru l-Erbgħa filgħodu, fejn kien konfermat li l-ewwel studenti li se jirritornaw l-iskola se jkunu tal-kindergarten u tal-Primarja.

Min-nhar l-Erbgħa 14 ta’ April se jiftħu l-middle schools. Mis-16 ta’ April jirritornaw l-istudenti tal-Form 3, 4 u 5. Filwaqt li t-tagħlim fil-post-sekondarji se jibqa’ jsir online. Min-nhar it-Tnejn se jkomplu wkoll l-operazzjoni skedati u se jerġgħu jibdew isiru ż-żjarat fid-Djar tal-Anzjani

Fis-26 ta’ April, imbgħad, jibdew jiftħu l-ħwienet kollha. Fl-istess jum ir-regola ta’ massimu ta’ żewġ persuni fil-pubbliku se tinbidel għal 4 persuni. Dan se jkun l-istess fir-rigward ta’ households differenti f’residenza waħda.

Jidher li matul April ir-ristoranti se jibqgħu magħluqin kif l-istess se jibqgħu ir-restrizzjonijiet fuq il-bars, diskoteki u attivitajiet tal-massa kif ukoll l-isport, filwaqt li għadu mhux ċar meta se jiftħu l-gyms f’pajjiżna.

Filwaqt li l-pjan hu li pajjiżna jiftaħ għat-turiżmu b’mod normali mill-1 ta’ Ġunju għad hemm ħafna ansjeta’ fost dawk li se jiżżewġu, għaliex minn dak li tħabbar mill-Gvern ftit li xejn jistgħu jippjanaw it-tieġ tagħhom.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern qed isegwi l-iżviluppi kollha relatati mal-vaċċin tal-AstraZeneca.

Intant, il-PN laqa’ l-kawtela li qed tigi addottata f’dan il-punt tal-pandemija. Għalkemm irrimarka li dan kollu seħħ wara li ftit tal-ġimghat ilu, sforz id-dikjarazzjonijiet irresponsabbli tal-Prim Ministru, pajjiżna kellu jaffaċċja l-istess miżuri li kien addotta sena ilu meta bdiet l-imxija tal-COVID. Il-PN qal li l-kawtela tirrifletti l-fatt li sa fl-aħħar il-Gvern qiegħed jieħu l-pariri tax-xjentisti u tal-esperti mediċi. Dan isegwi dak li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jisħaq fuqu għal bosta xhur.