Coronavirus Sport

“Daqqa ta’ ħarta għall-atleti u l-amministraturi sportivi”- ASA

B’reazzjoni għall-projbizzjoni tal-isport fl-aħħar ġimgħat u li issa kien konfermat, li din se tkompli mingħajr ma hemm data ta’ meta se tiġi fi tmiemha, l-Aquatic Sports Association fi stqarrija ffirmat mill-President tal-Assoċjazzjoni Joe Caruana Curran u s-Segretarja Ġenerali Rita Azzopardi, irrimarkaw kif għal darb’oħra l-isport ingħata l-ġenb mill-Gvern.

L-ASA għamlet ukol referenza għall-informazzjoni xjentifika li toħroġ ta’ kull ġimgħa mill-awtoritajiet tas-saħħa fejn b’mod konsistenti baqgħet turi li l-każijiet pożittiv ta’ coronavirus mill-isport huma minimi. Dan juri li l-atleti, l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs mxew b’mod responsabbli kompliet tgħid l-istqarrija.

“L-isforzi li saru matul l-aħħar xhur ma kienux apprezzati u kienu njorati minn min hu responsabbli sabiex jieħu d-deċiżjonijiet tal-pajjiż”

L-istqarrija kompliet tgħid li d-deċiżjoni tal-Gvern li ma jħallix l-isport jirritorna b’mod gradwali kif kien mitlub fi stqarrija konġunta bejn l-MFA, l-ASA u l-MBA hija daqqa ta’ ħarta għall-atleti u l-amminstraturi li ħafna minnhom jaħdmu b’mod volontarju. Dan juri li għal min jieħu d-deċiżjonijiet, l-isport għadu kkunsidrat f’livell ta’ lezzjoni tal-attività fiżika darba fil-ġimgħa fl-iskola.

“L-isport jinvolvi pjanijiet fit-tul, strateġiji kif ukoll taħriġ professjonali, fejn bl-għajnuna ta’ coaches professjonali, l-atleti jagħmlu sagrifiċċji kbar sabiex iħejju ruħhom għall-kompetizzjonijiet. Dan iżda għal darb’oħra ġie mwaqqaf mingħajr ma ngħatat tama għall-futur”

Fil-konklużjoni tal-istqarrija, l-ASA talbet lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport, Clifton Grima u lis-CEO ta’ Sport Malta Mark Cutajar biex jgħinu b’kull mod possibli lill-klabbs kollha nvoluti f’dan il-mument diffiċli.