Lokali Qorti

Direttiva tal-Prim Imħallef għad-differiment ta’ kawżi mhux urġenti tibqa’ fis-seħħ sa l-aħħar ta’ April

Is-direttiva li kien maġruġa fil-5 ta’ Marzu li għadda biex kull proċedura jew kawzi li mhumiex urġenti ghandhom jigu ddiferiti tibqa’ sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Il-Kamra tal-Avukati ġiet infurmata b’ direttiva li ħareġ il-Prim Imħallef Mark Chetcuti lill-ġudikanti kollha u li permezz tagħha, talab lill-ġudikanti sabiex joqgħodu fuq id-direttiva tiegħu.

Id-Direttiva tal-Prim Imhallef tgħid li jidher mir-rapporti fil-mezzi tax-xandir se jkun hemm rilassament tal-miżuri restrittivi li saru in konessjoni mal-istat ta’ sahha marbuta mal-pandemija.

“Billi bħala Qorti ma nistgħux minn ġurnata għal oħra inbiddlu l-mod kif immexxu l-kawżi kemm ghall-avukati u anki l-pubbliku, jien tal-fehma illi jitħabbar x’jitħabbar mill-awtoritajiet dwar ir-rilassament ta’ miżuri ta’ saħħa fil-postijiet tax-xoghol, nibqgħu insegwu d-direttiva ristretta tal-5 ta’ Marzu 2021 sal-ahhar ta’ April 2021”, qal il-Prim Imħallef.

Huwa tenna li jekk ikun hemm rilassament “nerġgħu naħdmu bl-istess mod limitat u bil-protokolli kollha li konna insegwu qabel id-direttiva tiegħi tal-5 ta’ Marzu 2021”.

F’dan il-kuntest il-Kamra tal-Avukati tħeġġeġ lil-membri tal-professjoni kollha biex jikkoperaw ma’ din id-direttiva u biex fejn kawzi jew proċeduri oħra għandhom smiegħ bejn illum u l-ahhar ta’ April 2021 u mhumiex ta’ natura urġenti, jitolbu huma stess differimenti.

Il-Kamra tfakkar ukoll li d-direttiva li hija ħarġet fil-11 ta’ Marzu 2021, għadha wkoll applikabbli u tibqa effettiva sakemm l-awtoritajiet responsabbli jagħtu rispons pożittiv dwar t-talba tagħha għal għoti tal-vaċċin.