Coronavirus Sport

“Eluf ta’ persuni u organizazzjonijiet sportivi reġgħu ġew mċaħħda milli jippratikkaw l-isport b’mod sigur”- COVID Action Team PN

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u l-Isport Clyde Puli flimkien mal-COVID Action Team tal-Partit Nazzjonalista laqa’ li se tiġi addotta kwatela fir-rilaxximent tal-miżuri li tħabbru aktar kmieni llum filwaqt li innota n-nuqqas ta’ direzzjoni mogħtija fis-settur tal-isport.

Il-COVID Action Team innota b’dispjaċir kif minkejja li skond informazzjoni xjentifika turi li l-każijiet ta’ COVID fost dawk li jipprattikaw l-isport huwa minimu, eluf ta’ persuni u organizazzjonijiet sportivi reġgħu ġew mċaħħda milli jipprattikaw l-isport b’mod sigur wara li ma ġietx aċċettata t-talba ta’ bosta assoċjazzjonijiet sportivi u atleti sabiex l-isport jirritorna b’mod gradwali u kawt minn wara nhar il-Ħadd.

Il-projbizzjoni ta’ aktar ġimgħat tal-isport se tħalli mpatt negattiv fuq is-saħħa fiżika u mentali ta’ kull min jipprattika l-isport, kemm b’mod professjonali u anke b’mod ieħor. Il-COVID Action Team fakkar ukoll li fl-isport hemm ukoll professjonisti li l-isport huwa l-għixien prinċipali ta’ dawk li huma mpjegati f’dan is-settur partikolarment dawk li huma sportivi elite. L-istqarrija temmew tgħid li b’dawn il-miżuri b’rabta mal-isport se tkun qed issir aktar diffiċli li jintemmu kampjonati u attivitajiet oħra sportivi li diġa bdew.