Coronavirus Sport

“Fejn hi l-loġika fid-deċiżjoniet li qed nieħdu fl-isport?” – Steve Camilleri, captain ta’ Malta, waterpolo

Rabja u frustrazzjoni kbira fil-qasam sportiv lejn id-deċiżjoni tal-Gvern li ma jbiddel xejn mir-restrizzjonijiet eżistenti marbuta mal-isport, fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19. Dan ifisser li ebda attivitá jew kompetizzjoni sportiva f’Malta, ma tista’ tintlagħab jew iseħħ, iżda mhux biss, waqt il-konferenza stampa tal-lum indirizzata fost l-oħrajn mill-Prim Ministru Robert Abela, meta tkellem dwar l-isport, ma ta ebda data jew ħjiel, sa kemm dawn ir-restrizzjonijiet fil-qasam sportiv se jibqgħu fis-seħħ. Ħafna kkummentaw li dan il-fatt biss, ikompli joħloq stress mentali fuq l-isportivi tagħna, u inċertezza bla bżonn.

L-isports u dawk involuti f’dan is-settur, qed ikunu mmċaħda milli jitħarġu b’mod normali, anke jekk taħt il-ħarsien ta’ protokol mediku apposta, minkejja li statistika maħruġa f’pajjiżna aktar kmieni f’Marzu li għadda, uriet biċ-ċar li l-każijiet ta’ COVID-19 li ġejjin mill-isport huma l-inqas meta mqabbel ma’ każijiet oħra rrappurtati. Minkejja dan, il-Gvern u l-awtoritajiet għażlu li jneħħu r-restrizzjonijiet f’setturi oħra iżda mhux fl-isport.

Steve Camilleri llu jilgħab waterpolo fuq livell professjonali lilhinn minn xtutna għal diversi snin.

Is-soppressjoni mhix kura iżda sempliċement aggravament.

Dwar dan il-punt, ikkumenta ma’ Net News, il-captain tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo, Steve Camilleri fejn saħaq li “is-soppressjoni mhix kura iżda sempliċement aggravament.” Camilleri, li hu wieħed mill-aqwa sportivi Maltin ta’ kull żmien, mhux biss fil-waterpolo iżda fl-isport inġenerali, u f’dawn l-aħħar snin għex il-ħajja professjonali ta’ sportiv lilhinn minn xtutna, esprima t-tħassib tiegħu lejn id-deċiżjonijiet kuntrastanti li qed jiġu meħuda mill-Gvern u l-awtoritajiet, inkluż fl-isport meta fakkar kif f’dawn l-aħħar xhur, intqal kemm il-darba li kwalunkwé protokoll u miżura imposta, kienu meħuda skont id-dejta xjentifika, kif ukoll li s-saħħa ġenerali tal-pajjiż għandha tkun il-fokus primarju.

L-attivita fiżika tgħin biex niġġieldu mard u kundizzjonijiet ta’ saħħa, fosthom l-obeżitá

“Din id-dejta xjentifika, turi biċ-ċar li ftit li xejn qed ikun hemm tixrid tal-virus permezz tal-isport, anzi l-isport hu importanti u ta’ benefiċċju għal saħħitna, anke għaliex bħala konsegwenza diretta, l-attivita fiżika tgħin biex niġġieldu mard u kundizzjonijiet ta’ saħħa, fosthom l-obeżitá. Allura fejn hi l-loġika fid-deċiżjonijiet li qed nieħdu fl-isport?” ikkumenta Camilleri.