Lokali

Adrian Hillman għadu barra minn Malta

Konferma tal-aħbar żvelata minn Net News jiem ilu – konferma li bħalissa għaddej proċess biex l-eks Direttur Maniġerjali tat-Times, Adrian Hillman, jinġieb Malta biex jaffaċċja akkużi b’rabta ma’ każ serju li tiegħu diġa rajna ammont ta’ persuni jittressqu l-Qorti. S’issa, Hillman jidher li għadu fir-Renju Unit. Bis-sorsi tagħna jindikaw li hemm informazzjoni ċara fejn jinsab.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela kien mistoqsi dwar dan, fejn ikkonferma li bħalissa għaddej dan il-proċess biex Adrian Hillman jiġi Malta biex jaffaċċja akkużi simili kif affaċċjaw 11-il persuna fl-20 ta’ Marzu li għadda. Involuti f’dan l-istess każ hemm ukoll l-eks Chief of Staff ta’ Kastilja, Keith Schembri li issa jinsab taħt att ta’ akkuża. Schembri wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda ingħata l-libertà proviżorja wara li qatta’ madwar ġimgħatejn fil-ħabs ta’ Kordin.

It-talba għall-estradizzjoni ta’ Adrian Hillman intbagħtet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jiem ilu. Iżda jidher li dan il-proċess biex l-eks Direttur tat-Times jinġieb Malta jista’ jdum għal diversi ġimgħat.

Jidher ukoll li l-Pulizija Maltija għall-ewwel darba minn kemm ilu li r-Renju Unit ħareġ mill-UE użat is-Surrender Agreement biex Hillman ikun jista’ jinġieb Malta. Dan il-fethim jiskatta f’każ li pajjiż tal-UE u r-Renju Unit ikunu qed jikkoperaw fuq fast-tracking ta’ estradizzjoni.

Keith Schembri allegatament iffiltra ‘l fuq minn €650,000 lil Hillman f’aktar minn 30 “tranżazzjoni suspettuża” bejn l-2011 u l-2015. L-allegazzjonijiet ta’ reat finanzjarju bejn dawn it-tnejn ġew irrappurtati għall-ewwel darba minn Daphne Caruana Galizia fl-2016.

Ikkummenta