Coronavirus Lokali Saħħa

Il-PN jilqa’ l-kawtela li se tiġi addotta fir-rilaxximent tal-miżuri

Wara li ftit tal-ġimghat ilu, sforz id-dikjarazzjonijiet irresponsabbli tal-Prim Ministru, pajjiżna kellu jaffaċċja l-istess miżuri li kien addotta sena ilu meta bdiet l-imxija tal-COVID, il-COVID Action Team tal-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-kawtela li se tiġi addotta fir-rilaxximent tal-miżuri li tħabbru llum. Dan jirrifletti li fl-aħħar il-Gvern qiegħed jieħu l-pariri tax-xjentisti u tal-esperti mediċi. Dan isegwi dak li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jisħaq fuqha għal bosta xhur.

Il-COVID Action Team tal-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti fuq il-bżonn urġenti ta’ aktar screening riġidu fil-port u l-ajruport ta’ pajjiżna, u dan minħabba fil-varjanti eżistenti tal-virus u oħrajn ġodda. Għalhekk jeħtieġ li jittieħdu dawk il-miżuri kollha, fosthom li jkollhom iċ-ċertifikat ta’ test kontra l-COVID, biex jiġi assigurat li s-sagrifiċċji li kellhom u qegħdin jerġgħu jagħmlu l-Maltin u l-Għawdxin ma jerġgħux jisfumaw fix-xejn.

Huwa importanti wkoll li fis-settur edukattiv tkompli tingħata attenzjoni massima sabiex ma jerġgħux jiżdiedu l-każijiet u dan sabiex jiġi protett is-saħħa tal-istudenti, l-għalliema, l-ġenituri u kull min jaħdem fl-iskejjel. Ikun għaqli li jseħħ djalogu ġenwin mall-unions u l-istakeholders kollha qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw lilhom.

Il-COVID Action Team tal-Partit Nazzjonalista jinnota iżda b’dispjaċir, li minkejja li l-imxija tal-COVID fost dawk li jipprattikaw l-isport kien minimu, eluf ta’ persuni u organizazzjonijiet sportivi reġgħu ġew imċaħħda milli jippratikkaw l-isport b’mod sigur. Dan anki bi preġudizzju lejn is-saħħa fiżika u mentali ta’ kull min jipprattika l-isport, kemm professjonalment jew b’mod ieħor u lejn l-għixien ta’ dawk l-impjegati f’dan is-settur importanti, partikolarment l-elite sports li għalihom qed isir diffiċli jtemmu l kampjonati li diġa’ bdew.

Il-Partit Nazzjonalista jħares ‘il quddiem u jitlob lill-poplu jirrispetta d-direttivi kollha mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, sabiex mill-aktar fis ukoll, jerġgħu jinfetħu r-ristoranti, il-ħwienet u dawk in-negozji kollha li b’xi mod reġgħu ġew milquta mir-restrizzjonijiet, sabiex jerġgħu jibdew igawdu frott il-ħidma u l-investiment tagħhom.