Coronavirus Edukazzjoni Lokali Saħħa

Il-UPE tisħaq li għandu jkun hemm titjib sostanzjali fil-proċess ta’ contact tracing

Wara l-miżuri mħabbra dalgħodu, il-Union tal-Edukaturi Professjonal (UPE) għad għandha r-riżervi tagħha peress li minkejja l-wegħda ta’ miżuri akbar, fir-rigward tad-distanza soċjali rigoruża, iż-żamma tas-sistema tal-‘bubbles’, l-infurzat tal-maskri, u l-enfasi fuq l-iġjene tal-idejn, is-sanità u l-ventilazzjoni abbundanti, il-Ministeru tal-Edukazzjoni ma ta ebda indikazzjoni dwar kif dawn il-miżuri se jiġu implimentati.

“Dan għal darb’oħra qed ipoġġi lill-iskejjel tagħna f’pożizzjoni fejn għandhom perjodu ta’ żmien qasir ħafna biex iħejju b’mod adegwat għar- restrizzjonijiet jew strateġiji miżjuda.”

1.Protokolli

L-UPE qed tistenna li l-protokolli riveduti jirriflettu r-realtà tal-preżenza tal-varjanti tal-virus Ingliż. L-Union qed tistenna wkoll li jkun hemm reviżjoni sinifikanti fuq it-tul ta’ żmien tal-kuntatt meħtieġ biex persuna tikkwalifikaw għall-kwarantina, peress li l-varjant tar-Renju Unit jista’ jinfirex sa 80% aktar. “Ma jistax jiġi miċħud li minħabba r-realtà l-ġdida, kawża tal-varjant li ilu jiddomina x-xena minn meta laħaq ix-xtut tagħna, il-limitu ta’ sagħtejn mhuwiex biss dubjuż iżda bla dubju sors possibbli ta’ infezzjonijiet estensivi inkontrollabbli jekk jinżammu.

2. Tilqim

Fir-rigward tal-proċess tat-tilqim, l-UPE bi pjaċir tilqa’ l-aħbar li aktar minn 80% tal-edukaturi tlaqqmu bl-ewwel doża. Il-union kienet diżappuntata li rċeviet rapporti mill-membri tagħha fejn sostnew li wara perjodu ta’ mard, jew kwarantina, dawk tilfu l-possibbiltà li jirċievu l-vaċċin, ma ġewx sussegwentement offruti t-tieni sett ta’ tilqim.

3. Contact Tracing

L-UPE tistenna li jkun hemm titjib sostanzjali fil-proċess ta’ contact tracing, fejn dan m’għandux jaqbeż l-24 sa 48 siegħa qabel l-implimentazzjoni. Is-sistema kienet bla dubju ineffiċjenti f’dawn l-aħħar xhur, u l-gvern jeħtieġ li jiżgura li ma jkun hemm l-ebda ripetizzjoni tas-sitwazzjoni fejn id-dewmien irrappurtat mill-membri laħaq sa ġimgħa, u b’hekk għadd kbir ta’ staff tal-iskejjel u studenti tpoġġew f’riskju li jieħdu l-virus.

L-unjoni tixtieq tenfasizza li se jkollha attitudni ta’ tolleranza żero b’rapporti, li ġejjin minn kwalunkwe membru tagħha, fejn l-iskejjel jaċċettaw studenti bi kwalunkwe forma ta’ sintomi li jistgħu jirriflettu dawk esebiti minn persuna infettata bil-COVID-19. Minħabba r-rata ta’ infettività tal-varjant anke dawk li jbatu minn allerġiji, jew li għandhom ċertifikat li jiddikjara lill-istudent bħala tajjeb għall-iskola minkejja sintomi persistanti, għandhom jinżammu d-dar bħala miżura preventiva biex tiġi salvagwardjata l-iskola kollha.

Fi stqarrija l-UPE qalet li mhux se tibqa’ lura milli toħroġ direttivi jekk tiżvolġi sitwazzjoni fejn il-membri tiegħha jitqiesu li huma potenzjalment f’riskju li jieħdu dan il-virus.