Futbol Sport

Inter aktar viċin it-titlu tas-Serie A… Juventus b’rebħa fuq Napoli

(Ritratt: EPA)

Inter kisbu rebħa ta’ 2-1 fl-Istadio Giuseppe Meazza kontra Sassuolo.Rebħa li permezz tagħha Inter komplew bis-serje pożittiva iżda wisq aktar għal fatt li fetħu distakk ta’ ħdax il-punt fuq Milan. Wara biss 10 minuti Inter marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Ashley Young kien ROMELO LUKAKU li għeleb lil Andrea Consigli f’dak li kellu jkun l-uniku gowl matul l-ewwel taqsima. L-andament matul it-tieni taqsima baqa’ l-istess tant li fis-67 minuta minn pass ta’ Lukaku kien LAUTARO MARTINEZ li għeleb lil Consigli. Bil-partita deċiża kien biss fil-85 minuta li Sassuolo naqqsu l-iskor b’gowl minn HAMED TRAORE minn azzjoni ta’ Filip Djuricic.

Juventus għelbu lil Napoli bl-iskor ta’ 2-1 fl-Allianz Stadium. Mid-draw ta’ 2 – 2 fid-derby kontra Torino, Juventus wrew titjib minkejja li għal xi ħinjiet Napoli qasmu l-logħob mal-avversarji. B’din ir-rebħa Juventus telgħu fit-tielet post b’59 punt wieħed inqas minn Milan. B’Juventus deċiżi li ma jħallux l-inizjattiva lil avversarji fit-13 il-minuta fetħu l-iskor. Pass ta’ Federico Chiesa lejn CRISTIANO RONALDO li għeleb lil Alex Meret biex poġġa lil Juventus fil-vantaġġ. Riżultat li biħ intemmet wkoll l-ewwel taqsima. Fit-73 minuta minn azzjoni ta’ Rodrigo Betanour kien PAOLO DYBALA li għeleb lil Meret għat 2 – 0 . Minkejja reazzjoni minn Napoli kien biss fid-90 minuta li naqqsu l-iskor. Foul ta’ Giorgio Chiellini fuq Victor Osimhen. Ir-referee Maurizio Mariani saffar penalty b’LORENZO INSIGNE jgħeleb lil Buffon għat 2 – 1.