Coronavirus Internazzjonali Saħħa

L-ebda prova speċifika li l-vaċċin tal-AstraZeneca jikkaġuna t-trombożi

Iċ-ċittadini fir-Renju Unit li għandhom anqas minn 30 sena se jkunu offruti vaċċin alternattiv għall-AstraZeneca. Dan wara indikazzjonijiet li hemm relazzjoni bejn dak il-vaċċin partikulari u każi rari ferm tat-trombożi.

L-informazzjoni ngħatat mill-MHRA, ir-regolatur tal-mediċina fir-Renju Unit, li mexxa analiżi dwar l-effetti tad-dożi tal-AstraZeneca. Intant, instab li sal-aħħar ta’ Marzu, 79 persuna spiċċaw isofru minn każi tat-trombożi wara li kienu tlaqqmu – u li minnhom kienu mietu dsatax.

Madankollu, ir-regolatur għamilha ċara wkoll li ma nstabux provi li t-tilqima proprja kienet ikkaġunat il-każi tat-trombożi – u avolja, fl-aħħar ġranet, kibru l-indikazzjonijiet ta’ rabta potenzjali bejn il-vaċċin u l-imsemmija kundizzjoni.

L-MHRA irrepetiet li s-side-effects tal-vaċċin tal-AstraZeneca huma mill-aktar rari u li mhemmx dubju li dan il-vaċċin hu għodda effettiva għal kontra l-virus u li t-tilqima tibbenefika lill-maġġoranza assoluta tal-poplu. Iżda l-kelliema  sostnew ukoll li jkun aħjar li n-nies li huma iżgħar fl-età jingħataw vaċċin ieħor meta l-element ta’ sogru mill-Covid, għalihom, hu ferm anqas milli għall-anzjani u l-persuni vulnerabbli.

Ir-regolatur spjega li n-nies li ngħataw diġà l-ewwel doża tal-vaċċin tal-AstraZeneca għandhom xorta waħda jingħataw it-tieni doża. L-istqarrija kompliet li t-tieni doża mgħandhiex tingħata biss f’każi fejn in-nies setgħu sofrew każ ta’ trombożi wara l-ewwel doża.

L-analiżi wasslet biex l-entità li tagħti l-pariri lill-Gvern Britanniku dwar il-vaċċini   tirrakkmanda biex persuni bejn 18 u 29 sena jingħataw vaċċin differenti mill-AstraZeneca kulmeta jkun possibbli.

Fi żviluppi oħra, l-EMA, bħala r-regolatur tal-mediċina għall-Ewropa, iddettaljat ir-riżultati tal-analiżi tagħha dwar rabta bejn it-tilqima tal-AstraZeneca u l-blood clots rari. Ingħad li l-każi tat-trombożi rari nstabu f’nies ta’ kull età – kemm irġiel kif ukoll nisa – u li ma kienx hemm provi dwar ‘fatturi ta’ sogru speċifiċi bħall-età, is-sess tal-persuna jew għall-każi ta’ pazjent bi storja medika preċedenti ħallietu vulnerabbli għal din il-kundizzjoni.

L-EMA qalet ukoll li l-kumitat responsabbli mis-sigurtà tal-mediċini konferma li l-benefiċċji tal-vaċċin tal-AstraZeneca jissuperaw sew is-sogru ta’ side effects u li hemm provi ċari li l-istess vaċċin hu effettiv ferm biex jevita l-mard serju u l-imwiet fost l-infettati bil-Covid.

Intant, l-EMA studjat 86 każ ta’ trombożi meta l-Unjoni Ewropea, s’issa, laqqmet ‘il fuq minn 20 miljun kontra l-coronavirus.