Lokali

“L-isfidi tal-ħajja xprunawni nibdel il-mod kif ngħix”

Tilef xogħlu u familtu spiċċat fix-xejn.

Ħajtu kienet waslet fix-xifer, hekk kif kollox beda sejjer ħażin. Iżda mhux talli ma qatax qalbu milli jwettaq dak li dejjem xtaq jagħmel, talli fi żmien sena beda jħossu kunfidenti fih innifsu.

Dan hu Anthony Gafà, li mill-aktar żmien ikrah ta’ ħajtu rnexxilu jaqleb kollox ta’ taħt fuq u jiffoka fuq il-pożittiv. Viżibilment dispjaċut, Gafa qal magħna li għadda minn żmien diffiċli hekk kif dawk l-għeqreb tiegħu u li ħaseb li riedulu l-ġid, kienu l-iżjed persuni li qed ikissruh mentalment hekk kif kienu jgħajruh bil-piż tiegħu. U mhux dan biss! Mhux l-ewwel darba li xi ħadd kien jaqbad miegħu fuq il-piż tiegħu, li minkejja li dan ġieli kien isir b’ċajta, dan kien iweġġgħu mhux ftit. Madanakollu, hu ddeċieda li ma jħallix dan kollu jkissru. Fil-fatt, minn 147kg hu niżel għal 91kg.

“Kelli ġimgħa partikolari wisq negattiva,” qal Gafa. “Kelli żewġ għażliet, jew ma ngħix ħajti jew ngħix ħajja aħjar. Iddeċiedejt li ngħażel it-tieni għażla tant li sena wara li biddilt ħajti, illum ‘il ġurnata qiegħed f’ħajja aħjar, b’mod speċjali fiżikalment.”

U ftit jiem qabel il-pandemija, propju ħamest ijiem qabel uffiċjalment pajjiżna rreġistra l-ewwel każ tal-COVID-19, Gafa ddeċieda li jżur lil dietrician biex tgħinu jagħmel l-ewwel pass. Ma jistax jonqos, ma kienx pass faċli hekk kif mal-ewwel każijiet pożittivi bdew jingħalqu postijiet pubbliċi, fosthom il-gyms bħala parti mill-miżuri. Madanakollu, xejn u ħadd ma kien se jwaqqfu milli jasal fejn jixtieq.

“Kien mument diffiċli ieħor għaliex bdejt naħseb li issa li se nerġa’ nipprova se nsib dan l-ostaklu quddiemi?” qal Gafa. “Iżda bdejt fil-pandemija u kienet xi ħaġa pożittiva għax kelli iżjed ħin għalija biex inkun nista’ nibda nsajjar u nagħmel l-eżerċizzju. Minn negattiv kollu li kienet għaddejja d-dinja, xtaqt li nassorbi l-pożittiv. Fil-fatt, ħriġt mill-Covid iżjed b’saħti!”

Id-differenza tħossha kemm fiżikalment u wisq iktar mentalment.”

Dan fid-dawl li Gafa mhux l-ewwel darba li pprova jonqos fil-piż tiegħu għaliex wara kollox dan kien qed iwaqqfu milli jagħmel l-iżjed affarijiet bażiċi li ħaddieħor jieħodhom qishom xejn mhu xejn, fosthom jilgħab logħba futbol, imur ġirja u saħansitra għawma fil-baħar kaħlani mill-isbaħ li joffri pajjiżna.

“Qabel kien jgħaddi kollox imma llum sirt noqgħod attent x’niekol u x’nagħmel,” qal Gafa. “L-ewwel ħaġa li nagħmel hekk kif inqum hu li nieħu l-kolazzjon, nipprepara frott u xi ikel ħafif ieħor. Imbagħad f’nofsinhar nieħu xi salad. Fl-aħaħr mill-aħħar nara li dak li se nieħu se jagħmilli l-ġid. Importanti li biex il-ġisem jaħdem tajjeb, m’għandux bżonn biss l-ikel bnin iżda wkoll l-eżerċizzju. Sitt ijiem minn sebgħa nagħmel xi tip ta’ eżerċizzju.”

Gafa qal magħna li hu bniedem normali bħal kulħadd u b’hekk isibha diffiċli biex isib ħin għalih nnifsu. Fil-fatt, dan mhux vjaġġ faċli hekk kif m’għandux kollox niżel fuq idejh. Madanakollu, ta’ kuljum hu jsib ħin għalih innifsu tant li sar iħossu komdu f’ġismu stess.

Mhux faċli iżda mhux impossibli.”

“Dan li se tagħmel hu għalik,” qal Gafa. “Dan it-tip ta’ stil ta’ ħajja tibbenifika ħafna minnu. Mhux biss int iżda wkoll dawk ta’ madwarek hekk kif la darba tibda tħossok aħjar fiżikalment u mentalment, awtomatikament tgħaddi l-mentalità pożittiva fuq l-oħrajn.”

Iħares ‘il quddiem, hu qal li ħadd m’għandu jaqta’ qalbu għax fl-aħħar mill-aħħar, l-eżerċizzju jgħin kemm lis-saħħa fiżika u anke lis-saħħa mentali.

“Ma jistax jonqos li jkolli dawk il-ġranet li niekol ikel mhux daqstant tajba għal saħti,” qal Gafa. “Mhix se tispiċċa d-dinja!”