Lokali

L-MHRA diżappuntata li ma ngħatatx data meta se jiftħu r-ristoranti

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (l-MHRA) turi s-sodisfazzjon tagħha li l-Gvern ikkonferma li fl-1 ta’ Ġunju Malta se tiftaħ għat-turiżmu.

Iżda l-MHRA hija diżappuntata li għad m’hemm l-ebda data dwar meta r-ristoranti se jerġgħu jinfetħu. Data mmirata għall-ftuħ mill-ġdid tar-ristoranti kienet tkun inkoraġġanti ħafna u importanti ħafna peress li l-ftuħ mill-ġdid jeħtieġ żmien adegwat għat-tħejjija u l-ippjanar minn qabel. L-MHRA għalhekk tappella lill-Gvern biex jikkomunika qabel is-26 ta’ April meta r-ristoranti jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu.

L-MHRA tilqa’ t-tneħħija prudenti u gradwali tal-miżuri hekk kif l-istaġun tas-sajf huwa kruċjali għas-sopravivenza tal-lukandi, ir-ristoranti, u s-settur tat-turiżmu kollu kemm hu.

Il-maġġoranza tal-membri tal-MHRA sofrew telf enormi f’dawn l-aħħar 12-il xahar u għalhekk l-uniku mod biex tiġi salvata sitwazzjoni daqshekk diffiċli huwa li s-settur tat-turiżmu jerġa’ jiftaħ mill-aktar fis possibbli.

Fi stqarrija l-MHRA qalet li tapprezza l-isforz li qed isir mill-Gvern biex jitlaqqam il-poplu kollu fl-iqsar żmien possibbli. Dan filwaqt li l-Assoċjazzjoni tilqa’ l-aħbar li l-vawċers dalwaqt se jinħarġu biex ikomplu jappoġġaw l-irkupru ekonomiku ta’ dawk is-setturi ekonomiċi li ntlaqtu ħażin mill-pandemija.

Barra minn hekk, l-MHRA tappella wkoll lill-pubbliku ġenerali biex ikun responsabbli u japprezza kemm hu kritiku l-ftuħ mill-ġdid tas-settur tat-turiżmu għall-istaġun tas-sajf mhux biss għall-impjegaturi u l-impjegati f’dan is-settur iżda għall-ekonomija Maltija kollha kemm hi.