Futbol Sport

L-unika pajjiż Ewropew fejn il-futbol hu wieqaf, ikompli javvanza fir-rankings tal-FIFA

Ritratt ta' Mark Zammit Cordina

Fl-istess ġurnata li tħabbar li l-isport kollu f’pajjiżna se jibqa’ wieqaf, u l-Gvern ma ħabbar ebda data ta’ meta qed jaħseb li jerġa’ jagħti aċċess sabiex l-isportivi Maltin u Għawdxin ikunu jisgħtu jerġgħu jibdew jitħarġu u jipprattikaw id-dixxiplina sportiva tagħhom, il-FIFA ħabbret li ż-żewġ timijiet nazzjonali tal-futbol, kemm dak tal-irġiel u wisq aktar dak tan-nisa, komplew jagħmlu progress sinifikanti fir-rankings tal-pajjiżi tad-dinja. Aħbar sabiħa għad-dilettanti tal-isport u l-futbol lokali, li tirrikonoxxi x-xogħol kbir li qed isir mill-akbar assoċjazzjoni sportiva f’pajjiżna, taħt it-tmexxija ta’ Bjorn Vassallo, iżda fl-istess waqt tikkuntrasta bil-kbir għaliex f’Malta l-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa, illum ħabbru fejn jidħol miżuri ta’ restrizzjonijiet marbuta ma’ sport, xejn m’hu se jinbidel, għaldaqstant ebda attivitá sportiva ma tista’ tintlagħab jew tkun ippratikata.

Din id-deċiżjoni ġabet frustrazzjoni u rabja kbira fost l-isportivi lokali, u fejn jidħol il-futbol lokali, dawk involuti fil-futbol, inkluż il-kowċ nazzjonali Malti, Devis Mangia, kienu diġa kkumentaw li se tħalli riperkussjonijiet fin-negattiv fit-tkomplija tal-progress tat-timijiet nazzjonali tal-futbol. Ir-rankings dinija li ħabbret illum il-FIFA, juru li Malta avvanzat post ieħor f’din il-lista ta’ pajjiżi, mill-aħħar aġġornament tal-FIFA li kien sar fi Frar li għadda. Fl-2020, it-tim nazzjonali tal-irġiel kellu progress sinifikanti meta f’sena tejjeb il-posizzjoni tiegħu b’tmiem postijiet.

F’Diċembru li għadda, it-tim tim nazzjonali tan-nisa, taħt it-tmexxija ta’ Mark Gatt, avvanza xejn inqas minn 16-il posizzjoni, u preżentament jinsab fil-85 post fost il-pajjiżi kollha tat-timijiet nazzjonali tan-nisa. Minn Diċembru ‘l hawn, il-FIFA għadha ma ħabbret ebda aġġornament ġdid fir-rankings tal-pajjiżi fil-futbol tan-nisa.

Fl-istess jum li t-tim nazzjonali tal-irġiel kellu konferma oħra tal-progress pożittiv tiegħu, il-Gvern f’Malta miżura ta’ restrizzjoni kontra t-tixrid tal-COVID-19, li tagħmel lil pajjiżna, l-unika pajjiż fl-Ewropa, fejn l-isport elite u l-futbol huma wieqfa. Dwar dan il-fatt, huma bosta dawk li qed jikkumentaw li jekk fil-futbol, fuq livell ta’ tim nazzjonali, qed nagħmlu pass ‘il quddiem, bid-deċiżjonijiet tal-Gvern, l-isport kollu f’Malta u Għawdex se jkun qed jagħmel żewġ passi lura. Fuq kollox, din id-deċiżjoni tkompli tikkonferma li f’pajjiżna, l-isport m’huwiex importanti għall-Gvern, u dawk li huma professjonisti fl-isport, u l-għejxien tagħhom jiddependi esklussivament mill-isport, m’humiex stmati, ikkonsultati u rispettati mill-awtoritajiet.