Sport Sport Ieħor

Ma jitneħħewx ir-restrizzjonijiet fuq l-isport

Ir-restrizzjonijiet marbuta mal-isport organizzativ m’humiex se jkun rilaxxati għalissa, dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Supritendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha tħabbar x’se jkun qed iseħħ minn nhar it-Tnejn.

Dan ifisser li r-restrizzjonijiet li hemm fis-seħħ bħalissa se jibqgħu fis-seħħ sa ma jkun hemm aġġornament ieħor dwar il-miżuri filwaqt li ma ngħatatx data speċifika ta’ meta l-isport jista’ jitkompla.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Aquatic Sports Association, il-Malta Football Association u l-Malta Basketball Association f’talba konġunta talbu lil awtoritajiet tal-pajjiż sabiex ikun hemm rilaxx fuq ir-restrizzjonijiet marbuta mal-isport organizzativ. Jidher li dawn it-talbiet ma ġewx milqugħa u bosta kompetizzjonijet sportivi se jkollhom jiġu sospiżi jew saħansitra jintemmu.

Din id-deċiżjoni ġabet magħha reazzjoni negattiva mill-isportivi f’pajjiżna kif ukoll mill-bosta assoċjazzjonijiet f’pajjiżna fosthom minn Athletics Malta fejn wrew id-diżappunt tagħhom li l-isport mhux se jkun fost l-ewwel restrtizzjonijiet li se jitneħħew.

Matul il-ġimgħat li għaddew kienu bosta amminstraturi, atleti u assoċjazzjonijiet li saħqu dwar l-importanza li l-isport speċjalment f’livell elite għandu jitkompla hekk kif dan se jkollu mpatt negattivi kemm fuq is-saħħa tal-atleti kif ukoll fuq id-dħul finanzjaru tagħhom b’bosta professjonisti f’dan il-qasam jiddependu mill-isport sabiex jaqilgħu l-għejxien tagħhom. Pajjiżna jibqgħa l-unika pajjiż madwar l-Ewropa fejn l-isport f’livell elite huwa sospiż minħabba l-pandemija tal-COVID-19.