Futbol Sport

“Malta huwa l-unika pajjiż fejn il-futbol u l-isport elite huma weqfin” – MFA

L-MFA ilha għall-aħħar ġimgħat titlob lil awtoritajiet sabiex jneħħu r-restrizzjonijiet marbuta ma’ sports organizzat partikolarment dak elite, fosthom it-tim Nazzjonali Malti, il-Kampjonat BOV Premier u l-BOV Challenge League, fi stqarrija b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela aktar kmieni qalet li s-sospenjoni li kienet estiża tal-isport tfisser li x-xhur ta’ ħidma mill-MFA ma sewa xejn.

Dan wara l-isforzi li saru sabiex ikun hemm sistema ta’ contact tracing kif ukoll spiża ta’ madwar €2 miljuni, l-MFA tħoss li dan kollu spiċċa fix-xejn bil-projbizzjoni tal-isport f’pajjiżna. L-istqarrija kompliet tgħid li n-nuqqas ta’ apprezzament u disprezz lejn l-isport bħala professjoni jnaqqas mill-ħidma li l-assoċjazzjoni qed tagħmel sabiex tgħolli u ttejjeb il-livell tal-futbol f’pajjiżna.

“Malta huwa l-unika pajjiż madwar l-Ewropa fejn l-isport elite u l-futbol li għandu mal-15,000 membru affiljat bejn atleti u amminstraturi huwa wieqaf.”

Minkejja li kien hemm diversi diskussjonijiet bejn l-MFA u l-awtoritajiet tas-saħħa, l-MFA saħqet li f’din id-deċiżjoni ma ġewx ikkunsidrati l-impatt soċjali u eonomiku ta’ dawk li jaħdmu u jaqilgħu l-għejxien tagħhom mill-isport u l-futbol fosthom, players, membri tal-istaff tekniku u amministraturi.

L-assoċjazzjoni elenkat ukoll li Malta huwa l-unika pajjiż fl-Ewropa fejn l-isport elite huwa projbit, filwaqt li data xjentifika turi li l-imxija fl-isport hija waħda minima, kemm f’livelli elite,amateur kif ukoll f’livelli ta’ youths.

Sadanittant, l-istqarrija qalet li l-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA se jkun qed jiltaqgħa nħar il-Ġimgħa 9 t’April sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-impatt tal-projbizzjoni fuq il-kompetizzjonijiet domestiċi.