Basketball Sport

“Nappellaw lil-gvern sabiex ibiddel din id-deċiżjoni” – MBA

Il-Malta Basketball Association (MBA) hija fost il-bosta għaqdiet sportivi li rreaġixxew b’diżappunt, b’reazzjoni għal dak li ħabbar aktar kmieni dalgħodu il-Prim Ministru Robert Abela, fejn l-isport mhux se jitħalla jkun prattikat, bl-ebda data stipulata għal meta dan jista’ jirritorna.

Minkejja l-isforzi u l-ispejjeż li daħlet fihom l-assoċjazzjoni sabeix jiżguraw l-aħjar u l-aqwa protokolli għall-atleti tagħhom, l-MBA stqarret li “Wara d-deċiżjoni tal-lum nħossu li l-isport għadu jitqies fuq livell ta’ amateur“.

L-MBA, flimkien mal-MFA u l-ASA, ftit jiem ilu appellaw lil awtoritajiet u lil gvern sabiex jirilaxxa ir-restrizzjonijiet marbuta mal-isportm filwaqt li fakkru li r-rata ta’ infezjoni fl-isport hija waħda baxxa. Minkejja dan, l-atleti u t-timijiet se jibqgħu mingħajr aċċess għat-taħriġ, li se jkun ta’ detriment għal prestazzjonijiet tal-klabbs u l-atleti kemm f’kompetizzjonijiet likali, iżda aktar u aktar f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

L-MBA qalu li filwaqt li qed jistennew li l-gvern jisma’ t-talba tagħhom u jbiddel din id-deċiżjoni, il-Kunsill tal-MBA se jkun qed jiltaqa’ għada sabiex jiddiskutu l-aħħar żviluppi u t-triq ‘il quddiem għall-isport tal-Basketball f’pajjiżna.