Sport Sport Ieħor

Osaka tħassar l-avvenimenti marbuta mat-traġitt tat-Torċa Olimpika

Il-Belt ta’ Osaka fil-Ġappun ħassret l-avvenimenti li kienu pjanati b’rabta mat-traġitt tat-Torċa Olimpika, hekk kif il-gvern Ġappuniż iddikjara stat ta’ Emerġenza f’din il-belt.

L-awtoritajiet tas-saħħa fil-Ġappun jinsabu inwetati ferm hekk kif il-varjanti tal-virus qegħdin jinfirxu b’mod mgħaġġel tliet xhur qabel l-Olimpjadi ta’ Tokyo, bil-proċess tal-vaċinazzjoni f’dan il-pajjiż jinsab miexi b’mod kajman.

Il-gvernatur ta’ Osaka Hirofumi Yoshimura qal li l-avvenimenti f’din il-belt kellhom jiġu ikanċellati hekk kif is-sistema tas-saħħa f’Osaka jinsabu taħt pressjoni wara ż-żieda qawwija ta’ każi fl-aħħar jiem.

Yoshimura appella lir-residenti ta’ Osaka sabiex ma joħoġux minn djarhom hekk kif nhar it-Tnejn daħlu miżuri ta’ lockdown sabiex jipprovaw jikkontrollaw il-firxa tal-varjanti fil-pajjiż.