Coronavirus Sport

“Qegħdin narmu x-xogħol iebes li sar matul din l-aħħar sena,” – Andrei Agius, captain ta’ Malta, futbol

Tkompli x-xita ta’ kritika mill-isportivi Maltin u Għawdxin lejn id-deċiżjoni tal-Gvern, dik li jinjora t-talbiet li kienu u għadhom qed isiru minn dawk kollha involuti fl-isprot, hekk kif illum ma tbiddel xejn mir-restrizzjonijiet eżistenti marbuta mal-isport, fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19. Fuq il-midja soċjali huma ħafna dawk li qed juru r-rabja tagħhom lejn dak li ħabbar il-Gvern dalgħodu fir-rigward tal-isport, u li fost oħrajn se jkun qed ifisser li numru kbir ta’ Kampjonati nazzjonali f’diversi dixxiplini, għat-tieni sena konsekuttiva se jkunu qed jieqfu u ma jitkomplewx.

Iż-żewġ captains nazzjonali tal-waterpolo u tal-futbol, b’kritika lejn id-deċiżjoni tal-Gvern

Wara l-captain tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo, Stevie Camilleri, kien imiss captain ieħor nazzjonali, din id-darba dak tal-futbol, Andrei Agius li fuq il-midja soċjali esprima d-diżappunt tiegħu billi saħaq li l-messaġġ li ħareġ illum mill-Gvern u l-awtoritajiet hu li “l-isport fil-gżira tagħna huwa biss ħaġa rikreattiva.”

Bħal Camilleri, Agius hu sportiv ieħor li għal numru ta’ snin għex il-futbol professjonali barra minn pajjiżna u sal-lum lagħab 98 partita mat-tim nazzjonali Malti. “Għal darb’oħra kellna ċ-ċans li nibdew nagħtu lill-isport xi tip ta ’rikonoxximent u importanza,” qal Agius, b’kitba fuq il-profil tiegħu fuq Facebook.

Andrei Agius hu l-captain tat-tim nazzjonali Malti tal-futbol.

“Il-futbol hu industrija li jiġġenera dħul finanzjarju, filwaqt li jimpjega mijiet ta’ ħaddiema.”

Il-plejer ta’ Hibernians fil-Kampjonat Premier żied jgħid li b’dak li kien deċiż illum mill-Gvern u d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, se nkunu “qegħdin narmu x-xogħol iebes li sar matul din l-aħħar sena, mhux biss għall-plejers nnfushom li jipprattikaw il-futbol, iżda wkoll għan-nies l-oħra kollha li minn jum għal jum jippruvaw iżommu l-industrija tal-futbol għaddejja f’Malta.” Agius fakkar li f’Malta, il-futbol hu industrija li jiġġenera dħul finanzjarju, filwaqt li jimpjega mijiet ta’ ħaddiema, fosthom plejers u professjonisti f’oqsma differenti.

Il-captain tat-tim nazzjonali Malti tal-futbol staqsa, kif b’deċiżjoni bħal din, hu u kull plejer lokali tal-futbol, jistgħu ttejbu u jiżviluppaw it-talent kalċistiku tagħhom, jekk għat-tieni sena konsekuttiva l-isport f’pajjiżna reġa’ twaqqaf ħesrem.  Iżda Agius kien aktar dirett fil-kritika kostruttiva tiegħu, u b’referenza ċara għar-riżultati pożittivi li t-tim nazzjonali Malti tal-futbol, taħt it-tmexxija tal-kowċ Devis Mangia, qed jikseb internazzjonalment, tant li llum stess Malta tejbet posizzjoni oħra fir-rankings tal-FIFA, hu kompla jesprimi l-frustrazzjoni tiegħu lejn min ħa din id-deċiżjoni u qed iżid l-inċertezza fost l-isportivi f’Malta.

“Issa li qbadna l-progress fil-futbol, iddeċidejna li nwaqqfu kollox mill-ġdid.”

“Aħna diġa’ tlifna ħafna snin ta’ progress fil-futbol, u issa li finalment irnexxilna naqbdu triq tajba li qed turi progress u ottimiżmu għall-futur tal-logħba tal-futbol f’Malta, ħadna d-deċiżjoni li nwaqfu kollox. Qed nagħmlu dan minflok nifhmu l-importanza tal-momentum pożittiv u nkomplu nagħtu aktar importanza fit-tisħiħ tal-elite sports. Jeħtieġ li nifhmu li mingħajr xogħol iebes, kostanti u mimli sagriffiċji, se jkun diffiċli li r-riżultati li kulħadd jixtieq fil-futbol,” temm jgħid Agius.