Coronavirus Lokali

Robert Abela jħawwad iċ-ċifri dwar it-tilqima tal-Covid

Waqt intervista fuq ix-Xandir Nazzjonali l-Prim Ministru Robert Abela ħarbat kompletament iċ-ċifri marbuta mal-proċess ta’ tilqim li għaddej bħalissa fl-Ewropa, b’Abela jispiċċa jitħarbat fi kliemu stess.

Matul il-programm ‘L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa’, Robert Abela qal li Malta għandha l-aqwa rata ta’ tilqim fid-dinja – xi ħaġa li fattwalment hi skorretta.

Meta l-preżentatur Mark Lawrence Zammit ġibidlu l-attenzjoni li Iżrael laqqam aktar persuni, il-Prim Ministru wieġeb “mur ara l-istatistika, u ara kif aħna ninsabu l-ewwel fid-dinja”. B’Robert Abela għal aktar minn darba jħawwad iċ-ċifri u l-fatti.

“Illum rajt il-graphs”, qal Robert Abela.

Iżda l-graphs (ara l-istampa t’isfel) juru b’mod ċar li l-Prim Ministru spiċċa ħawwad in-numri tal-pandemija, f’turija li mhux qed iżomm ruħu aġġornat.

Robert Abela kien skomdu jwieġeb dwar diversi mistoqsijiet

Sal-lum għadna ma nafux għal liema raġuni infetħet il-kumpanija ‘E-Grant’ u mistoqsi dwar din il-kumpanija, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq biss li l-kumpanija hi ta’ Brian Tonna ta’ Nexia BT iżda fl-ebda ħin ma ċċara dak li ħafna ilhom jistaqsu. Il-Prim Ministru naqas ukoll milli jsemmi l-qrubija ta’ Brian Tonna mal-eks Chief of Staff ta’ Kastilja Keith Schembri, l-istess persuna li għal tant snin ħadem fil-qrib mal-istess Abela. Naqas ukoll milli jsemmi kemm kien viċin ta’ Kastilja l-istess Brian Tonna li fl-aħħar jiem qatta’ numru ta’ ġranet fil-ħabs ta’ Kordin. Robert Abela ma weġibx meta kien mistoqsi dirett dwar il-fatt li ‘E-Grant’ tifforma parti minn sett ta’ tliet kumpaniji li fihom hemm ukoll persuni li kienu qrib ħafna tal-Partit Laburista.

Intervistat fil-programm ‘L-Erbgħa fost il-Ġimgħa’, il-Prim Ministru reġa’ wera biċ-ċar li għadu ma staqsiex lill-Kabinett tiegħu għal liem Ministru preżenti qed jirreferi Vince Muscat ‘il-Koħħu’ meta allega li dan il-Ministru kien involut f’attentat ta’ reat.

Mistoqsi dwar in-nuqqas ta’ deċiżjonijiet mill-Kabinett fil-konfront ta’ Keith Schembri meta kien għadu fil-kariga tiegħu f’Kastilja, Robert Abela saħaq li hu sar Prim Ministru f’Jannar tal-2020 iżda ħarab milli jwieġeb x’kien għamel meta kien konsulent ta’ Joseph Muscat f’Kastilja meta bdew ħerġin l-allegazzjonijiet dwar Keith Schembri.

L-isem ta’ Keith Schembri issemma’ ħafna tul din l-intervista u mistoqsi aktar minn darba kemm iddefenda lil Schembri fil-passat, Abela iddikjara li hu qatt ma ddefendih. Dan jikkuntrasta ferm ma’ dak li kien qal l-istess Robert Abela, inċidentalment fl-istess studio, fl-2017, dakinhar waqt il-programm ‘Xarabank’.

Il-Prim Ministru, mill-ġdid kien mistoqsi jekk hux se jagħmel apoloġija fid-dell tal-aħbarijiet xokkanti li ilhom joħorġu kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern iżda minflok għamel apoloġija, Robert Abela wera kemm hu kburi b’dak li għamel il-Partit Laburista fl-aħħar 8 snin. Filwaqt li saħaq li “l-eħfef ħaġa li jagħmel hi li jgħid sorry” Abela qal “Jien mhux il-Partit Laburista”, u stqarr li hu kburi li jifforma parti minn dan il-partit.