Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali Saħħa

“Turija ċara ta’ nuqqas ta’ djalogu u konsultazzjoni” – Malta Chamber of SME’s

"Uħud mill-businesses mhux se jkampaw"

Il-Malta Chamber of SME’s fi stqarrija qalet li dak li ġie kkomunikat dalgħodu mill-Prim Ministru Robert Abela huwa turija ċara ta’ nuqqas ta’ djalogu u konsultazzjoni b’nuqqas ta’ rispett sħiħ lejn l-Imsieħba Soċjali.

Il-Kamra tal-SME’s qalet li huwa evidenti li konsultazzjoni adegwata setgħet iċċarat iż-żoni griżi tagħna f’dak li kien ikkomunikat u wasslu wkoll għal pjan ekonomiku aktar sensibbli.

Huma qalu li għalkemm kulħadd japprezza s-sitwazzjoni delikata, u fil-prinċipju jaqblu mal-ftuħ b’mod gradwali, wieħed ma jistax iżda jħoss livell kbir ta’ tħassib dwar kif in-negozji se jkomplu jħabbtu wiċċhom ma’ dawn l-isfidi.

Wara sena sħiħa ta’ tbatija n-negozji bdew l-2021 b’tamiet kbar, iżda hekk kif dawn kellhom jgħalqu l-bibien tagħhom f’dawn il-ġimgħat, sofrew daqqa kbira oħra.

Il-Kamra tal-SME’s qalet li huwa evidenti li l-covid support measures, filwaqt li kienu neċessarji, għadhom ‘il bogħod biex jikkumpensaw għall-irkupru f’diversi setturi.

L-istqarrija ttemm tgħid li uħud mis-setturi laħqu punt kruċjali li jekk mhux se tingħatalhom iktar għajnuna, se jkomplu jbatu.