Lokali Qorti

Keith Schembri jrid jiffaċċja l-kontro-eżami mill-avukati ta’ Yorgen Fenech

Keith Schembri, eks ħabib ta’ Yorgen Fenech se jiffaċċja l-kontro eżami mill-avukati tiegħu, hekk kif dan ġie żvelat fi tmiem kumpilazzjoni fil-konfront tal-istess Fenech fil-Qorti.

L-avukat difensur Charles Mercieca qal fil-Qorti li huwa mportanti, li Schembri, eks Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li jinsab akkużat fost affarijiet oħra b’ħasil ta’ flus, korruzzjoni u li xehed falz quddiem Maġistrat li kienet qed tmexxi nkjesta, jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech.

Id-difiża ta’ Fenech informat lill-Qorti li Schembri huwa xhud importanti kif inhuma wkoll importanti għal każ dwar l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia l-esperti tal-Europol u l-middleman fil-qtil Melvin Theuma.

Yorgen Fenech qed jiċħad l-akkużi miġjubin kontrih, u qed jallega li Schembri kien wara l-qtil tal-ġurnalista f’Ottubru 2017. F’xhieda mogħtija fil-qorti s-sena l-għaddiet kien ġie żvelat li yorgen Fenech kien qal lill-pulizija waqt l-interrogazzjoni tiegħu li kien Schembri li ried joqtol lil Caruana Galizia u li allegatament ħallas lil Melvin Theuma is-somma ta’ €85,000.

Schembri dejjem ċaħad bil-qawwa dawn l-allegazzjonijiet u qal li hu qatt ma tkellem man-negozjant dwar il-qtil. Madankollu Fenech qal li kien Schembri li kien jgħidlu biex ‘jeħilsu’ minn Daphne Caruana Galizia.

Keith Schembri bħalissa jinsab bil-libertà proviżorja wara li fl-20 ta’ Marzu li għadda ġie akkużat b’reati serji ta’ ħasil ta’ flus. Sadaniitant għadu mhux ċert jekk fis-seduta li jmiss hux se jitkompla l-kontro-eżami ta’ Melvin Theuma fil-każ’ ta’ Yorgen Fenech.

L-Ispettur Kurt Zahra qal li jiddependi jekk sa nhar l-Erbgħa, meta jkompli l-każ, jekk Melvin Theuma jkunx f’qagħda tajba f’termini ta’ saħħa jekk ikunx jista’ jixhed jew le.

Minkejja li l-perjodu ta’ kwarantina tiegħu issa skadiet, wara li kien ittestja pożittiv għal Covid-19, jidher li Theuma għadu xi ftit fraġli biex ikun jista’ jagħti d-depożizzjoni tiegħu fil-Qorti.

Sadanittant kienu diversi esperti forensiċi xehdu fis-seduta tal-Ħamis. Numru ta’ għaddasa kkonfermaw li mill-anqas sitt telefowns ċellulari nġabru minn qiegħ il-baħar ‘il barra mit-tinda tal-patata fil-Marsa fejn tlieta mis-suspettati tal-qtil ta’ Caruana Galizia ġew arrestati f’Diċembru 2017.

Folla mdaqqsa qabel il-bidu tal-kumpilazzjoni

Folla mdaqqsa stenniet barra l-awla, li jinkludu xhieda, avukati u l-midja wara li kien deċiż li s-seduta minn awla 20 tiġi trasferita għal awla 22 minħabba l-ispazju.

Sakemm sar dan it-trasferiment ta’ l-aħħar minuta nġemgħu ħafna nies xi ħaġa li żgur ma kinitx tal-akbar prekawzjoni għas-saħħa minħabba l-pandemija. Il-ġemgħa kienet tinkludi membri tal-forzi tas-sigurtà, familjari tal-akkużat u tal-vittma li bdew jara kif kienu se jieħdu posthom.

Dan fid-dawl ta’ 33 espert forensiku li xehdu fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech li qed jiġi mixli li ppjana l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017 viċin ir-residenza tagħha fil-Bidnija permezz ta’ karozza bomba.

Ix-xhieda tagħhom kienet qasira u proċedurali. Ħafna minnhom ikkonfermaw biss bil-ġuramanet rapporti li huma stess ħejjew. L-ewwel xhud kien l-patoloġista Ali Sarfraz li qal li Daphne Caruana Galizia nqatlet b’riżultat ta’ diversi feriti ta’ splużjoni.

Wara tela’ fuq il-pedana tax-xhieda l-Patologu Mario Scerri, Il-mistoqsijiet li sarulu kienu bbażati fuq evidenza li tinsab f’fajl fejn Scerri kkonferma r-rapport tiegħu ppreżentat f’inkjesta maġisterjali u qal li m’għandu xejn xi jżid.

Wara l-espert tal-isplużjonijiet Dr. Alfred Vella kien muri dokument b’fajl oħxon. Huwa kkonferma li analizza l-isplussivi misjuba fuq il-post. Tlieta mill-kampjuni sabu preżenza ta’ TNT u qal ukoll li għadda tliet kampjuni minn post partikolari, ħdejn razzett tal-Mosta. Tenna li hu għaddihom lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

L-espert Vella, qal li għamel użu minn laboratorji fl-Università ta’ Malta biex iwettaq it-testijiet. Qal li l-kampjuni ttieħdu minn farmhouse fi Triq Tagliaferro. Il-farmhouse allegatament tappartjeni lil Jamie Vella, wieħed mis-suspettati, maħsub li forna l-bomba li qatlet lil Caruana Galizia.

Vella u l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħruf bħala Tal-Maksar, qed jiffaċċjaw proċeduri separati dwar il-każ. Wara xehedu flimkien tliet uffiċjali tal-pulizija Jesmond Cassar, Jonathan Attard u Joe Alamango.

Huma kienu murija dokument mill-inkjesta maġisterjali. Huma jikkonfermaw li r-rapport imsemmi mill-Maġistrat ħejjewh flimkien. Wieħed mix-xhieda jgħid li tqabbdu mill-Maġistrat Vella biex iħejju rapport.

Wara telgħu fuq il-pedana tax-xhieda disa’ persuni, kollha uffiċjali tal-pulizija, stazzjonati fost l-oħrajn fil-laboratorju xjentifiku tal-pulizija, ggwidata mill-Ispettur Charlo Casha.

L-ispettur speċifika l-ismijiet ta’ fajls għall-formoli ta’ sottomissjoni. Il-qorti tinterrompi, u tistaqsi jekk il-folder għandux numru ta’ referenza. Huwa wieġeb fl-affermattiv u qal ukoll li hemm ħames DVDs oħra.

L-uffiċjal tal-pulizija Casha semma filmati li nġibdu fuq ix-xena tad-delitt. Huwa ppreżenta lill-Qorti f’boroż evidenza li kienet tikkonsisti f’491 ritratt u DVD wieħed, 167 ritratt u DVD, DVD ieħor u 13-il ritratt 1,221 ritratt u DVD ieħor, kollha b’mod separat.  Qal li b’DVD irid ifisser kopja diġitali tar-ritratti msemmija.

L-Ispettur Charlo Casha tenna li kienu fotografaw esibit analizzat mill-NFI (National Foreign Intelligence). Huwa ħa wkoll ‘swabs’ orali mill-ħalq tal-aħwa Degiorgio, tnejn mill-allegati qattiela għall-analiżi tad-DNA.

Huwa kien ukoll dak inkarigat li jwassal numru ta’ esebiti lill-Europol fl-Olanda. Huwa kien issottometta apparat diġitali. Uffiċjal ieħor tal-pulizija ieħor intwera rapport imħejji minnu stess, u li qal li kien għadda lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit fil-każ kontra l-aħwa Degiorgio. 

Kien tqabbad jieħu r-ritratti ta’ Peugot 108 mikrija mill-kumpanija Percius, identika għall-karozza li kienet qed issuq Daphne Caruana Galizia meta seħħet l-isplużjoni. Tenna wkoll li fis-16 u 17 ta’ Novembru tal-2017 għamlu xi eżamijiet fuq il-karozza inkwistjoni. 

Eżamijiet fuq dgħajsa u karozzi lussużi

Numru ta’ pulizija oħra komplew jagħtu d-depożizzjoni tagħhom u xehedu dwar testijiet forensiċi li għamlu fit-tinda tal-patata tal-Marsa, fejn ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

Tennew li kienu huma li wettqu eżamijiet ukoll fuq id-dgħajsa Maya ta’ Degiorgio, fuq dgħajsa bl-isem Kugen, fuq karozza Mercedes ipparkjata biswit it-tinda tal-patata, u fuq żewġ karozzi tal-marka Audi u BMW. Annaliżżaw ukoll karozza Toyota li kienet ipparkjata f’Marina Street, il-Pietà and oġġetti minn residenza fis-Siġġiewi.

Kienu ordnati wkoll jieħdu xi ritratti ta’ post il-Marsa. L-Ispettur Kurt Zahra beda jagħmel diversoi mistoqsijiet fosthom fuq it-teħid ta’ xi apparat mill-baħar fil-Marsa mill-membri tal-Forzi Armati. 

L-uffiċjal qal li t-tinda tal-patata kellha aċċess għall-baħar. Minn qiegħ il-baħar ittellgħu oġġetti mill-Forzi Armati, li wara għaddewhom lill-pulizija u ħaduhom lura l-laboratorji.

Ġew esebiti wkoll tliet rapporti miġbura mill-pulizija, din id-darba dwar tfittxijiet f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ, post f’San Pawl il-Baħar u l-Farmhouse St. Joseph fil-Mosta. It-tfittxijiet seħħew f’Diċembru 2017 bħala parti minn inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Żewġ uffiċjali oħra ppreżentaw rapport dwar tfittxijiet li saru mill-pulizija fl-4 ta’ Diċembru tal-2017 fl-iskrivanija ta’ impjegat tal-GO, ġo karozza Toyota Aygo pparkjata fil-binja tal-GO, u tfittxija oħra li saret l-għada, 5 ta’ Diċembru, f’garaxx f’Marsaskala.

Xehed ukoll il-Kaptan Matthew Sant, uffiċjal kmandant u kien parti mill-Iskwadra tal-Isplussivi tal-Pulizija. Huwa kien involut meta saru t-tfittxijiet, li bdew fl-4 ta’ Diċembru, 2017 u baqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Diċembru 2017 fil-baħar qrib it-tinda tal-patata fil-Marsa. 

L-ordni li ngħataw kienet li jagħmlu tfittxija f’qiegħ il-baħar għal kull oġġett relatat mal-bombi. Fl-ewwel jum kien instab mowbajl, u mbagħad bdew ifittxu għal aktar mowbajls. 

Kompla jgħid li kienu jinbidlu l-ħin kollu u li fl-ebda ħin ma kellu mowbajl fil-pussess tiegħu, għax dak li kien qed jogħdos miegħu sabhom. L-Avukat Charles Mercieca staqsa lix-xhud kemm-il mowbajl instab.

Ix-xhud beda jiċċekkja minn noti li kellu bid-difiża tistaqsih jekk tistax tarahom, fejn Sant ma oġġezzjonax. Mercieca qallu, “hawn is-Surġent Falzon sab Nokia u Samsung, hux hekk?”

Ix-xhud wieġeb fl-affermattiv, u qallu li kien hemm kollox imqassam sew fuq il-karta. Ix-xhud qal li kienu bugħaddasa li ġabru l-mobajls, u li meta dawn inġabru, hu kważi dejjem kien preżenti. Kien hemm membri tal-Pulizija l-art jassistuhom u għaddewlhom il-mowbajls mill-ewwel.

Dwar jekk kienx hemm xi tfittxija li ma kienx preżenti għaliha, x-xhud qal li jrid jivverifika. Fuq min kienu l-uffiċjali tal-pulizija li ngħaddewlhom il-mowbajls, il-kaptan qal li ma jafx eżatt. Sostna li ma joqogħdux jidħlu fid-dettall. Kellhom biċċa xogħol li jfittxu, u hemm għamlu.

Tenna li huwa ċert li kien suldati u pulizia għax il-post kien magħluq għall-Forzi Armati u għall-pulizija dak il-ħin. Kompla li filgħodu qabel ma bdew it-tfittxija nġabru biex jiftiehmu kif se jaħdmu fejn kien hemm mal-50 persuna u mhux kollha kienu pajżana.

Jinstabu l-mobajls

Wara tela’ jixhed Mario Chant, eks Surġent fil-Forzi Armati u li kien stazzjonat mal-‘bomb disposal unit’ u jispeċjalizza fl-għadds. Qal li kien ingħata struzzjonijiet biex ifittex qiegħ il-baħar ħdejn it-tinda tal-patata tal-Marsa f’Diċembru 2017.

“Ma qalulniex x’għandna nfittxu u qaluli biex noqgħod attent u jekk nara xi ħaġa suspettuża niġborha, Ġbarna Samsung u Nokia fl-ewwel għadsa. Fl-għadds l-ieħor, inġabru erba’ mobajls minn qiegħ il-baħar. Kien hemm batteriji u l-pannelli ta’ wara tal-mobiles ukoll. “

Kompla li ma jistax jiftakar kemm il-mobajl huwa ġabar minn qiegħ il-baħar. Kien hemm diversi għaddasa. Madankollu, huwa rrimarka li kien preżenti għall-iskoperta ta’ mill-inqas sitt mowbajls.

Chant qal ukoll li diversi batteriji tal-mowbajl u ’sim card’ kienu wkoll irkuprati minn qiegħ il-baħar. Żewġ għaddasa biss jinżlu fi flimkien mal-ħin.

Il-qorti tistaqsi jekk kienx żamm rekord ta’ dak li sab. “Kien hemm karta bl-oġġetti misjuba. Aħna ngħadduhom lill-pulizija immedjatament,” Tenna li ken hemm xi ħadd, possibilment uffiċjal tal-pulizija, li beda jieħu noti.

Xhud ieħor, Ivan Falzon ex-għaddas tal-AFM qal li huwa kien il-kollega tal-għadis tas-Surġent Chant. Huwa kien konsistenti ma’ dak li qalu sħabu u tenna li sab mobajl Nokia f’qiegħ il-baħar u għaddih ukoll lill-espert forensiku.

L-aħħar xhud kien Stephen Said, ukoll għaddas tal-Forzi Armati. Huwa ħa sehem fit-tfittxijiet ħdejn it-tinda tal-patata fil-Marsa. “Kellna nfittxu għal armi, bombi, u materjal relatat. Sibt ftit mill-apparat tal-mobajl, ”qal Said lill-qorti u tenna li dak li sab għaddieh lill-Pulizija.

Lejn l-aħħar tas-seduta l-Ispettur Kurt Zahra qal li Melvin Theuma jista’ jixhed jekk ikun medikament tajjeb biex jagħmel dan. L-Avukat Charles Mercieca qal li hemm numru ta’ kontro-eżamijiet li d-difiża trid twettaq. L-Avukat tad-difiża qal li d-difiża trid tagħmel il-kontro-eżami wkoll lill-esperti tal-Europol u Keith Schembri fost oħrajn.

Issa wieħed irid jara jekk Melvin Theuma hux se jkun kapażi jkompli jagħti x-xhieda tiegħu. Fil-25 ta’ Marzu li għadda kien ittestja pożittiv għall-Covid-19, waqt il-kumpilazzjoni.

Dak inhar, Theuma ħassu ma jiflaħx waqt li kien qiegħed jixhed kontra Yorgen Fenech. Is-seduta kellha tiġi sospiża b’Melvin Theuma jiddaħħal l-Isptar Mater Dei minħabba uġigħ f’ġenbu. Minn test li sarlu waqt li kien l-Isptar huwa nstab li huwa pożittiv għall-Covid-19.

Yorgen Fenech qed jiġi mixli li fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara nofs inhar u fix-xhur u s-snin ta’ qabel din id-data, ppromova, kkostitwixxa, organiżża jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jwettqu reati kriminali. Qed jiġi mixli wkoll li pparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda.

Li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni li dolożament bil-ħsieb li joqtlu persuna, cioe lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqiegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunawlha l-mewt. Kif ukoll li f’Malta assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra minn Malta bil-għan li jwettaq delitt f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija.

Qed jiġi mixli wkoll li sar kompliċi ma’ terzi li dolożament, b’sustanza splussiva wettqu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed f’periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Minn naħa tal-Avukat Ġenerali qegħdin jidhru d-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia u Nadia Attard.

L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru f’isem il-familja Caruana Galizia. Intant, l-avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru f’isem Yorgen Fenech. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar l-Erbgħa 14 ta’ April fl-10.00am.