Lokali

Abela jgħid li ma ddefendiex lil dak li ilu erba’ snin jiddefendi

Allegazzjonijiet.  Hekk kien sejħilhom Robert Abela il-provi li kien ressaq l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-konfront tal-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, lura fl-2017.

Dakinhar Abela kien kandidat għall-elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista, u kien ħareġ għonqu għal Keith Schembri u saħansitra pprova jirredikola l-provi li kellu Simon Busuttil.

Illum, wara l-eżitu tal-inkjesta mitluba propju minn Simon Busuttil -li skont Abela kienet ibbażat fuq allegazzjonijiet – Schembri għandu fuq rasu ħdax il-kap t’akkuża.

Illum, erba’ snin wara li bdiet din is-saga kollha, Robert Abela, Prim Ministru, jibqa’ ma jiddistanzjax lilu nnifsu u lill-Partit Laburista minn Schembri, u saħansitra jinsisti li ma jitlobx aġoloġija għal dak li seħħ.

Illum Net News reġa’ staqsa lil Robert Abela għaliex baqa’ jiddefendi lil Schembri sal-aħħar. U għaliex fuq ix-Xandir Nazzjonali prova jimplika li hu qatt ma ddefendih, b’Abela – li ilu erba’ snin joħroġ għonqu għal Schembri – jgħid li ma ddefendihx.

Abela kien għamel argument sħiħ fuq Xarabank f’Mejju tal-2017 biex jiddefendi dak li kien għamel Keith Schembri.

Intant, Abela qed ikun xott ferm mal-ġurnalisti fi sforz biex ma jweġibx, kif ma weġibx lanqas jekk fl-aħħar jiem talabx lill Kummissarju jerġa’ jiftaħ l-investigazzjonijiet dwar Egrant. Għal din il-mistoqsija, Robert Abela baqa’ għaddej mingħajr ma lissen kelma.

Ftit tal-jiem ilu, wara li kien żvelat li Cheng Chen – il-persuna li kien wara l-ftehim bejn Shanghai Electric u l-BWSC, u anke l-iskandlu tal-Montenegro – huwa s-sid tal-kumpanija sigrieta Macbridge, Robert Abela ħareġ jgħid li hu minnufih bagħat għall-Kummissarju u talbu jinvestiga.

Madankollu, jidher li l-Prim Ministru m’għandux l-istess ħeġġa biex jitlob lill-Kummissarju jinvestiga sabiex isir magħruf min hu l-vera sid ta’ Egrant.