Internazzjonali

Covid-19: Il-Gvern tar-Renju Unit konvint li se jlaqqam lill-adulti kollha sal-aħħar ta’ Lulju

Is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, qal li r-Renju Unit ‘għadu fid-direzzjoni t-tajba’ biex joffri t-tilqima kontra l-Covid-19 lill-adulti kollha fil-pajjiż sal-aħħar ta’ Lulju.

Dan it-tragward – li rranka sew fl-aħħar ġimgħat – jidher li se jintlaħaq minkejja l-polemika attwali dwar ‘is-sigurtà’ tal-vaċċin tal-AstraZeneca, bir-Renju Unit anki jinsab ‘ottimist’ dwar il-provvisti regolari tad-vaċċini għall-futur.

Hancock qal li d-deċiżjoni biex iċ-ċittadini taħt it-30 sena jkunu offruti vaċċini oħra minflok l-AstraZeneca mhix se taffettwa r-rollout (distribuzzjoni) tad-dożi.

Dan wara li r-regolatur tal-mediċini (MHRA) fir-Renju Unit u r-regolataur tal-Unjoni Ewropea rreferew għal każi ‘mill-aktar rari’ ta’ trombożi li jistgħu jkunu relatati mat-tilqim bl-AstraZeneca u meta, fil-fatt, mhemm l-ebda provi konkreta dwar il-konnessjoni bejn il-vaċċin u din il-kundizzjoni fil-ġisem.

Iż-żewġ regolaturi, intant, irreferew għall-effettività indiskutibbli tal-vaċċin tal-AstraZenca u Hancock qal li n-nies iridu jafdaw fir-regolazzjoni tas-sigurtà għall-vaċċini kontra l-Covid-19. Hu kompla li ‘is-sogru ta’ side-effect perikoluż hu kalkulat mal-erba’ f’miljun każ (wara tilqima bil-vaċċin inkwistjoni).’

Intant, aktar minn 1.6 miljun minn fost l-10 miljun ċittadin taħt it-30 sena fir-Renju Unit diġà ngħataw l-ewwel tilqima u Hancock qal li ma teżisti assolutament l-ebda provi ta’ inċidenzi ta’ trombożi ( blood clotting) wara t-tieni tilqima bl-AstraZeneca.

Fl-istess ħin, is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku enfasizza li pajjiżu għandu ‘aktar minn biżżejjed’ vaċċini tal-Pfizer u Moderna biex jieħu ħsieb it-8.5 miljun ‘li fadal’ (fir-Renju Unit) bejn it-18 u d-29 sena.

Intant, ir-Renju Unit qed jittama li jirċievi dalwaqt il-kunsini ta’ tliet vaċċini oħra – tan-Novavax, Valneva u Johnson and Johnson – li se jgħinu biex il-pajjiż iqarreb in-normalità wara xhur ta’ kriżi.

Rapport mill-Awstralja qal, sadanittant, li mijiet ta’ eluf ta’ dożi tal-vaċċin tal-AstraZeneca kienu twasslu lejn il-pajjiż mir-Renju Unit, bis-sors tal-kunsinni jinżamm ‘mistur’ biex tinevita kontroversja mal-Gvern Britanniku.

Il-gazzetta Sydney Morning Herald qalet li l-ewwel 300,000 doża tal-AstraZeneca waslu f’Sydney fit-28 ta’ Frar – xahar wara li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-kontrolli għall-esportazzjoni tal-vaċċini li huma prodotti fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Kunsinna oħra kbira ta’ vaċċini twasslet l-Awstralja b’ajruplan tal-passiġġieri tal-Emirates Airlines matul ix-xahar li għadda – u wara li l-Italja u l-Kummissjoni Ewropea kienu waqqfu formalment applikazzjoni tal-AstraZeneca biex twassal mal-250.000 doża lejn dak il-pajjiż.

Ingħad ukoll li l-kunsinni lejn l-Awstralja ma saru qatt ‘għall-ispejjeż tar-rollout tal-vaċċini fir-Renju Unit’ li hu fost l-aktar effettivi fid-dinja.

Fi żviluppi oħra, New Zealand għalissa mhix tippermetti aċċess lin-nies kollha – inklużi ċ-ċittadini tiegħu – li qegħdin jivvjaġġaw għal hemm mill-Indja. Id-direttiva se tibqa’ effettiva għal madwar ġimgħatejn wara r-rapporti dwar numru ta’ persuni li nstabu infettati bil-Covid-19 mal-wasla tagħhom fi New Zealand.

L-awtoritajiet fi New Zealand, fl-aħħar 24 siegħa reġistraw 23 każ ġdid tal-coronavirus – bi sbatax minnhom jinvolvu persuni li kienu ġejjin mill-Indja.