Basketball Coronavirus Lokali Sport

“Dan m’huwiex ‘hobby’…iżda sport professjonali”- Pawlu Sultana, President tal-assoċjazzjoni tal-basketball

Il-President tal-assoċċjazzjoni tal-basketball f'Malta, Pawlu Sultana

Il-President tal-Malta Basketball Association, Pawlu Sultana waqt intervent dalgħodu, fil-programm ta’ ġrajjiet kurrenti fuq l-istazzjon nazzjonali, TVAM stqarr li f’Malta, il-basketball professjonali m’huwiex ‘hobby’, anzi huwa sport li minkejja li l-plejers jitħarġu b’mod professjonali, jitħallsu ftit li xejn jew saħansitra hemm min ukoll ma jitħallasx.

Ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela f’intervistà fuq ix-xandir nazzjonali rrefera għall-isport bħala passatemp, fl-istess ġurnata li tnisslet rabja u frustrazzjoni fost l-isportivi kollha f’pajjiżna, wara li kien konfermat li ebda mill-miżuri ta’ restrizzjonijiet marbuta mal-attivitajiet sportivi, ma kienu se jitneħħew. Il-kumment ta’ Abela kompla jitfa’ l-melħ fuq il-ferita tal-isportivi kollha, b’ħafna kienu dawk li kkumentaw, minn b’mod dirett u min b’botta fina, lejn in-nuqqas ta’ apprezzament li Abela u l-Gvern tiegħu qed juri lejn is-sagrifiċċji tal-isportivi kollha f’Malta.

“L-akbar problema li għandna hi li ma nafux x’ser jiġri”, stqarr Sultana, fid-dawl tal-fatt li fl-24 ta’ April mistennija jkunu rilaxxati għadd ta’ miżuri oħra iżda għad m’hemmx data jew indikazzjoni ta’ meta l-isport se jkun jista’ jitkompla bħal qabel jew b’inqas restrizzjonijiet. Sultana sostna wkoll li kawża ta’ dan, l-assoċjazzjonijiet sportivi ma jistgħux jippjanaw. Hu kompla jgħid li kaġun ta’ dan kollu, il-kompetizzjonijiet ewlenin tal-basketball f’pajjiżna se jkollhom jitwaqqfu għat-tieni sena konsekuttiva u jiġu dikkjarati null, daqs li kieku ma ntlagħbux.

Il-President tal-MBA spjega kif l-unika mod kif il-players tal-basketball tħallew jitħarrġu huwa billi jkunu f’gruppi ta’ erba’ plejers “jixxutjaw ma’ basket” u b’hekk it-taħriġ kollu kellu jitwaqqaf. Dan kollu saħansitra qed jipperikola l-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali fit-tournaments internazzjonali li se jsiru fis-sajf li ġej.

Sultana qal li l-istat mentali tal-atleti mhux qed ikun ikkunsidrat hekk kif filli dawn l-atleti professjonali kienu qed isegwu programm ta’ taħriġ fuq bażi regolari u kuljum, filli bis-sitwazzjoni t’issa, sforz dawn ir-restrizzjonijiet, spiċċaw id-dar.