Lokali Sport

FILMAT: Għadab fost l-isportivi għax il-Gvern għadu qed jikkunsidra lill-isport bħala passatemp biss

Għadab fost l-isportivi wara d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li l-isport ma jitkompliex mit-Tnejn li ġej, hekk kif baqgħu fis-seħħ il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ xahar ilu. L-isportivi qed isostnu li b’din id-deċiżjoni, anke l-isport professjonali qed jibqa’ jkun ikkunsidrat bħala passatemp.

Iżda f’reazzjoni għall-kummenti li għamlu bostsa atleti professjonali, kif ukoll amminstraturi ta’ klabbs u assoċjazzjonijiet, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal biss lil dawk kollha involuti biex jgħinuh jibni bażi b’saħħitha … mingħajr ma qal din xi tfisser jew almenu jagħtihom xi indikazzjoni jew tama meta se jkunu jistgħu jirritornaw għax-xogħol tagħhom.

Min-naħa tiegħu, waqt il-programm L-Erbgħa fost il-Ġimgħa fuq ix-Xandir tal-Istat, il-Prim Ministru Robert Abela mhux talli ma talabx apoloġija, talli qal li għalih l-isport hu biss passatemp. Barra minhekk, hu lanqas ma rrikonoxxa l-impenn tal-atleti li għadhom ma jistgħux jagħmlu t-taħriġ tagħhom.

Dan hekk kif diversi kompetizzjonijiet lokali għadhom sospiżi, b’uħud mill-kampjonati jirriskjaw li ma jintemmux għat-tieni sena konsekuttiva. Din id-deċiżjoni tal-Gvern tolqot ħażin lil ħafna, partikolarment lil dawk li jiddependu mill-isport u mit-taħriġ biex jaqilgħu l-għixien tagħhom, hekk kif għalihom dan mhux biss passatemp, iżda professjoni. Hu għalhekk ċar li l-Gvern ta’ Robert Abela reġa’ ta l-ġenb lill-isport u nesa lill-atleti.

Oħrajn irreferew għal dak li qal is-Segretarju Parlamentari u akkużaw lill-Gvern li aktar ma jdumu ma jirritornaw għat-taħriġ, aktar se tintlaqat b’mod negattiv ukoll il-prestazzjonijiet tagħhom fil-futur.

Min-naħa tagħhom, anke ġenituri kkumentaw li b’dak li qal, id-Deputat Laburista mhux jifhem lill-atleti. Dan hekk kif hemm evidenza xjentifika li turi li l-isport ma kienx kawża ewlenija fiż-żieda fil-każi tal-Covid-19 f’pajjiżna, bl-isport professjonali jkun sospiż f’pajjiżna biss.

Intant il-Partit Nazzjonalista jibqa’ kommess mal-wegħda elettorali tiegħu li jekk il-poplu jagħtih il-fiduċja fl-elezzjoni ġenerali li jmiss jeleva l-isport f’livell ta’ Ministeru, kuntrarju ta’ dak li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fejn fl-aħħar reshuffle tal-kabinett tiegħu ħalla l-isport f’livell ta’ Segretarju Parlamentari.