Lokali

Għaddew sentejn u għadna qed nistennew li ssir magħrufa l-verità u ssir ġustizzja -PN

"Se nibqgħu niġġieldu l-korruzzjoni tal-Gvern Laburista minkejja l-periklu personali li ninsabu fih"

“Ftit iktar minn sentejn ilu kull wieħed minnha rċieva envelope bil-posta li kien fih sustanza suspettuża. Kull wieħed minnha mill-ewwel informa lill-Pulizija b’dak li konna rċevejna u tlabna li ssir investigazzjoni.”

Hekk sostnew id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina u Jason Azzopardi, flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa u l-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fejn insistew li, “aħna kkoperajna bis-sħiħ mal-Pulizija u wħud minnha taw ix-xhieda tagħhom f’waħda mill-inkjesti maġisterjali li nfetħu.”

Huma saħqu li, “Dan kien frame-up fil-konfront tagħna bħala Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni li konna, għadna u se nibqgħu nitkellmu b’saħħa kontra l-korruzzjoni tal-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat u Robert Abela.”

Ġie spjegat li dan l-attentat viljakk fil-konfront tagħhom kien konferma ta’ kemm il-vuċi tagħhom qed tolqot fil-laħam il-ħaj ta’ dawk li fl-aħħar tmien snin għamlu ħsara kbira lil pajjiżna.

Għaddew aktar minn sentejn u s’issa għadna ma smajna assolutament xejn mill-awtoritajiet ta’ pajjiżna dwar dan il-każ serju. Sirna nafu biss b’mod mhux uffiċjali li s-sustanza suspettuża kien fiha d-droga kokaina.

“Sal-lum l-awtoritajiet ma nfurmawniex dwar x’investigazzjonijiet għamlu, x’inhu r-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet u x’azzjonijiet se
jittieħdu kontra min prova jweġġgħana.”

Huma fakkru li dan il-każ seħħ ftit ġimgħat biss wara li Reuters u t-Times of Malta żvelaw li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, l-istess bniedem li mexxa l-proġett tal-power station tal-Electrogas u llum il-ġurnata jinsab akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

“Nifhmu li f’pajjiżna hawn diversi persuni li għandhom il-mezzi, l-interess u l-intenzjoni li jivvendikaw ruħhom minnha billi jippruvaw iweġġgħu lilna u lill-għeżież tagħna.”

Għaldaqstant ġibdu l-attenzjoni ta’ kulħadd pubblikament, partikolarment tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, l-periklu li ninsabu fih.

“Nistennew li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma jistennewx li xi wieħed minnha jiġi attakkat biex jieħdu azzjoni.”