Iċ-Ċina qed takkuża lir-Renju Unit b’li qed jagħti kenn ‘lil kriminali mfittxija mill-awtoritajiet ta’ Beijing’. Dan wara li attivist prominenti ta’ Hong Kong bl-isem Nathan Law qal li kien ingħata l-kenn politiku fir-Renju Unit.
Ir-Renju Unit u ċ-Ċina għandhom differenzi kbar dwar id-destin ta’ Hong Kong, bil-Britanniċi qed jakkużaw lil Beijing b’li mar lura minn kelmtu biex iżomm il-libertajiet fl-eks kolonja Britannika li kienet għaddiet għal taħt il-kontroll taċ-Ċina fl-1997.
Nathan Law qal li ngħata kenn politiku fir-Renju Unit wara li hu ħarab minn Hong Kong minħabba li ċ-Ċina daħħlet il-miżuri ripressivi li jesiġu għal sigurtà akbar fit-territorju li sa ftit ilu kien igawdi livell aċċettabbli ta’ awtonomija.
Intant, iċ-Ċina qed tfisser lil Nathan Law bħala ‘suspettat kriminali’ u qalet li r-Renju Unit, bil-pass li ħa, kien qed ‘jindaħal fil-kompetenza tal-ġudikatura ta’ Hong Kong’ Iċ-Ċina qed tinsisti biex ir-Renju Unit ‘jirranġa l-iżbalji u ma jindaħalx aktar fl-affarijiet interni taċ-Ċina u Hong Kong’.
Nathan Law, eks student attivist u eks deputat ta’ Hong Kong, kien ħarab lejn ir-Renju Unit f’Lulju tal-2020. Dan ftit ġimgħat wara li ċ-Ċina imponiet il-Liġi Nazzjonali għas-Sigurtà fit-territorju li kienet qanqlet sensiela ta’ protesti mill-attivisti f’Hong Kong li għadhom jissieltu sallum għad-demokrazija.
//= $special ?>