Lokali

Il-Gvern m’għandux ħjiel kemm ġew affettwati negozji

Il-grupp li waqqaf il-Gvern Laburista ħalli ikun jista’ jibda jieħu ħsieb l-irkupru ekonomiku qed jistenna sa Ġunju sabiex jibda bil-pjan tiegħu bil-għan li pajjiżna jerġa’ jibqa jirkupra mid-daqqa tal-pandemija – fatt illi juri kemm verament il-Gvern għadu lura fil-pjan tiegħu, jew possibilment għadu bla pjan.

Waqt konferenza tal-ahbarijiet li saret din il-gimgha, il-Ministru Owen Bonnici ħass li ma kellux iwieġeb id-domanda ta’ Net News meta staqsejnih dwar kemm kienu n-negozji li kellhom jagħlqu kompletament f’dan it-tieni ‘lockdown’.

Dan ikompli jikkonferma li l-Gvern mhux jieħu rendikont ta’ kemm negozji għalqu l-bibien tagħhom mat-tħabbira tar-restrizzjonijiet, kemm minnghom ghalqu temporanjament….u kemm kien hemm jobs li ġew affetwati.

Filfatt ftit tal-jiem ilu, eżatt malli ingħalqu l-ħwienet mhux essenzjali, dan kien ikkonfermat ukoll mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li ma Net News saħaq illi l-Gvern ma jiġborx ċifri li jindikaw jekk negozju jkunx għalaq temporanjament minħabba l-miżuri li ttieħdu.