Coronavirus Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tappella għal aktar komunikazzjoni mal-imsieħba soċjali

Hemm bżonn jitjieb il-proċess ta’ komunikazzjoni mal-imsieħba soċjali għal implimentazzjoni aħjar tar-rilassament tar-restrizzjonijiet. Hu għalhekk importanti li meta se jinfetħu mill-ġdid l-istabbilimenti titħabbar malajr kemm jista’ jkun biex l-operaturi jkunu jistgħu jippjanaw.

Hekk qed tappella l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija fi stqarrija, fejn tenniet il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni aktar kostruttiva u kkordinata. Il-Kamra qalet li hu imperattiv li naraw li l-każi jkomplu jonqsu, fost l-oħrajn billi nsegwu l-miżura tad-distanza soċjali u anke bl-għoti tal-vaċċin fost kemm jista’ jkun nies.

B’dan il-mod, tenniet il-Kamra, pajjiżna jkun jista’ jiffaċċja Sajf b’ċifri favorevoli u bi ftuħ mill-ġdid tas-settur turistiku bil-protokolli xierqa. Dan wara li r-restrizzjonijiet li ttieħdu fl-aħħar xhur fissru biss spejjeż kbar għan-negozji u l-impjegati tagħhom.