Waqt li nnutat f’sodisfazzjoni il-ftuħ gradwali tan-negozji, il-Kamra tan-Negozju t’Għawdex qalet li l-gżira ċkejkna għadha qed tħoss l-impatt negattiv tal-miżuri restrittivi fil-konfront ta’ Maltin li jridu jaqsmu lejn Għawdex.
Il-Kamra qalet li dan l-impatt negattiv ikompi jixhed kemm Għawdex għadu dipendenti fuq it-turiżmu. Filwaqt li għal xi żmien it-turiżmu domestiku minn Malta għen biex l-ekonomija Għawdxija tibqa’ għaddejja tul is-sena li għaddiet, din is-sena, it-telf tat-turiżmu fi żmien il-karnival u l-Għid kellhom impatt negattiv ferm.
Fi stqarrija il-Kamra Għawdxija qalet li dan hu mument fejn kulħadd huwa importanti. L-istqarrija tkompli tgħid li l-oqsma kollha bgħatew ħafna, għalkemm uħud bgħatew ferm aktar minn oħrajn, u semmiet fost l-oħrajn il-barijiet iż-żgħar immexxija minn familji, u li issa ilhom magħluqin ix-xhur.
F’dan id-dawl, il-Kamra tan-Negozji qed titlob li ssir kjarifika dwar dak li hu servizz mhux essenzjali sabiex ma jkun hemm diskriminazzjoni bejn ħanut u ieħor.
Talbet ukoll li jkun hemm monitoraġġ kontinwu fuq il-miżuri u l-protokolli sabiex ikun żgurat li dawn ikollhom ir-riżultat mixtieq, filwaqt li nsistiet ukoll li jkun estiż l-obbligu ta’ riżultat negattiv tal-Covid-19 għal persuni li deħlin minn barra. Dan sabiex ikun żgurat li l-ftuħ tal-qasam turistiku ma jkunx ta’ detriment fuq oqsma oħra.
//= $special ?>