“Ix-xogħol tiegħi huwa ffukat naħdem kuljum għal ħafna ħin ma’ kulħadd, niltaqa’ man-nies minn kull settur tas-soċjetà tagħna, ma’ kulħadd biex nara kif nista’ nagħmel lil pajjiż tiegħi aħjar – Hekk qed nagħmel u hekk se nibqa’ nagħmel biex nasal għad-destinazzjoni” – Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien intervistat minn Mark Laurence Zammit fuq ix-Xandir Nazzjonali waqt il-program ‘L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa.’
Il-Kap tal-PN qal li se jkompli jaħdem għall-ġid tal-poplu Malti u se jkompli joħroġ proposti fuq diversi setturi biex il-poplu Malti jkollu għazla ċara quddiemu ta’ x’jista joffri l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern. Hu saħaq li ma nistgħux ninsew il-fqir u ż-żajr meta saħaq li “rridu navvanzaw fl-aspett socjali.” Il-Kap tal-PN ddikjara “Qed nikkommeti li ġejjin proposti biex nimxu ‘l quddiem biex kulħadd ikollu ċans javvanza u ħadd ma jibqa’ lura.”
Bernard Grech ħabbar li fil-jiem li ġejjin, il-PN se jkun qed iniedi pjan konkret dwar is-settur tat-turiżmu f’pajjiżna – pjan li se jħares lejn l-irkupru immedjat kif ukoll joffri viżżjoni fit-tul għall-10 snin li ġejjin.
Il-Kap tal-PN kompla jispjega aktar proposti tal-PN fosthom fil-qasam tal-enerġija u fil-qasam tas-saħħa – proposti li qed jaslu wara konsultazzjoni wiesgħa mal-esperti fis-settur – proposti li huma direttament intiżi biex jagħmlu l-ġid lill-poplu kollu.
Bernard Grech kien mistoqsi dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-COVID-19 f’pajjiżna fejn saħaq li wara li sforz id-dikjarazzjonijiet irresponsabbli tal-Prim Ministru pajjiżna kellu jaffaċċja l-istess miżuri li kien addotta meta bdiet l-imxija, hu qed jilqa’ l-kawtela li se tiġi addottata fir-rilaxximent tal-miżuri li tħabbr. Bernard Grech kompla jispjega li dan jirrifletti li fl-aħħar il-Gvern qiegħed jieħu l-pariri tax-xjentisti u tal-esperti mediċi. Dan isegwi dak li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jisħaq għal bosta xhur.
Dwar ir-rilaxx tal-miżuri li kienu mħabbra fl-aħħar sigħat, Bernard Grech qal li jirrikonoxxi dak li ġara pero ma jirrokonoxix “ir-ras iebsa, li nsabtu saqajna, jaħseb li jista’ jgħaddi lin-nies biż-żmien,” b’referenza għal meta l-Prim Ministru saħaq li l-COVID-19 kien warajna. “Jien marridx li l-Prim Ministru jieħu żball fejn tidħol is-saħħa tan-nies, nitkellmu għax irridu l-ġid, jekk bħala oppożizzjoni ma ngħidu xejn, inkunu qed niżbaljaw.”
Tul din l-intervista, Bernard Grech kien mistoqsi dwar l-aħħar aħbarijiet xokkanti li komplew joħorġu mill-kamp Laburista u nies qrib tiegħu. Il-Kap tal-PN fakkar kif Robert Abela kien konsulent legali ta’ Joseph Muscat f’Kastilja, meta kien qed jiġri dak kollu li allegatment li seħħ. Kien hemm meta Keith Schembri li issa jinsab taħt att ta’ akkuza issa, kien Chief of Staff. Il-Kap tal-PN għalhekk saħaq li l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel il-Prim Ministru hi apoloġija “imma dan mhux biżżejjed.”
Bernard Grech fakkar kif filwaqt li hemm allegazzjonijiet serji fuq Ministru tal-Gvern u eks Ministru Laburista, Robert Abela għadu ma saqsiex lill-Kabinett tiegħu biex jara għal min qed jgħidu ‘il-Koħħu’ u l-aħwa Degiorgio. Il-Kap tal-PN saħaq li “qatt ma kellna dan il-livell ta’ ħsara lejn isem pajjiżna allura iva dan il-Gvern wegħdna ħolma u tana inkubu – rebaħ b’maġġoranza u kellu jirriżenja Prim Ministru u Chief of staff li kien il-moħħ wara l-kisbiet tal-Labour, illum taħt att ta’ akkuża – l-ebda politku minkejja li għamel il-ġid m’għandu dritt jagħmel deni lil pajjiżu.”
//= $special ?>