Internazzjonali

Inkwetati ferm dwar l-aħħar spinta ta’ vjolenza fl-Irlanda ta’ Fuq

Il-Ministri tal-Eżekuttiv li qed imexxi l-Irlanda ta’ Fuq qed jinwetaw ħafna dwar il-vjolenza li żbruffat mill-ġdid fil-provinċja u fost is-sejħiet biex il-protagonisti jieqfu mill-inkwiet ‘li qed jipperikola’ l-istabbilità fl-inħawi.

Dan wara li l-pulizija f’Belfast  spiċċaw attakkati min-nies vjolenti fost it-tfigħ tal-bombi tan-nar u fejn karozza tal-linja spiċċat meqruda għal kollox.

Il-Federazzjoni tal-Pulizija qalet li numru ta’ uffiċjali tagħha ndarbu fl-inċidenti li damu għaddejjin f’zona ( interface) li tinkludi l-komunitajiet ta’ Irlandiżi b’identitajiet politiċi diversi u li qed jinżammu separati minn xulxin.

Il-komunitajiet rivali huma magħmulin minn ‘unjonisti’ li jridu li l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ tifforma parti mir-Renju Unit u minoranza li jridu li l-provinċja tifforma parti minn ‘Irlanda magħquda’. Il-Prim Ministru tal-Ingilterra, Boris Johnson, sadanittant, ma żammx lura milli jikkundanna hu wkoll il-vjolenza.

Weġġgħu ‘il fuq minn 50 pulizija f’inċidenti vjolenti li ilhom għaddejjin fiz-zoni tal-Irlanda ta’ Fuq mill-aħħar ta’ Marzu. Mhux eskluż, intant, li l-inkwiet qed ikun xprunat mill-gruppi u l-organizzazzjonijiet tal-paramilitari.

Fl-aħħar inkwiet, mijiet ta’ nies ‘tal-entitajiet politiċi rivali’ waddbu l-bombi tal-petrol fid-direzzjoni ta’ xulxin u kellhom jissejħu l-pulizija minn bnadi oħra tal-provinċja biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.Il-vjolenza f-Irlanda ta’ Fuq issa ilha għaddejja ġimgħa, bl-awtoritajiet qed jinkwetaw li ‘aktar ma jdumu l-inċidenti aktar se jkun diffiċli għalihom li jirristawraw il-kalma’.