L-Għaqda Repubblika esprimiet is-solidarjeta’ tagħha mal-erbatax il-sindku u mal-NGOs li qegħdin jissieltu biex Għawdex ma jkomplix jiġi maħtuf minn żvilippaturi bla rażan u bla kuxjenza.
Il-ħniżrija ta’ dawn l-iżvilippaturi m’għandha l-ebda rispett la għal ġenerazzjonijiet preżenti, u inqas u inqas għall-ġenerazzjonijiet futuri., qalet l-għaqda. Jekk dan l-istupru ta’ pajjiżna ma jitwaqqafx minnufih, uliedna se jitwieldu u jikbru f’pajjiż bla ruħ.
Fuq livell lokali, dawn is-sindki qegħdin jaghtu eżempju ta’ kif ghandhom jimxu l-politiċi fuq livell nazzjonali. Pajjiżna għandu bżonn iddisprat li l-politiċi tiegħu jtemmu l-kompliċita’ tagħhom fil-qerda tal-gżejjer tagħna permezz tas-silenzju tagħhom. Aħna nistennew illi dan l-impenn ma jibqax fuq livell individwali iżda jsir parti ċentrali tal-politika tal-partiti.
Il-poplu Malti u Għawdxi jippretendi li l-partiti politiċi jgħidulu ċar u tond minn issa, x’se jagħmlu f’termini prattiċi biex iwaqqfu dan il-proċess ta’ qerda tal-ambjent u tal-wirt storiku tiegħu.
Il-kollużjoni misħuta bejn negozjanti rgħiba u politiċi diżonesti trid tieqaf darba għal dejjem.
//= $special ?>