Lokali

L-Accountants iħossuhom imbarazzati

L-aħħar żviluppi li qed joħorġu mill-Qorti huma imbarazzanti, tal-mistħija u jweġġgħu għax iwaqqgħu lill-professjoni tal-Accountants għal grad inferjuri f’għajnejn in-nies.

Kliem iebes mill-President tal-Istitut tal-Accountants Fabio Axisa f’ittra mibgħuta lill-membri tal-Istitut, wara li s-sidien ta’ Nexia BT Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna spiċċaw il-Qorti jiffaċċjaw akkużi serji ħafna fosthom ta’ ħasil ta’ flus u falsifikazzjoni ta’ dokumenti.

Il-ġurnal Times of Malta kkwota siltiet mill-ittra, li fiha Axisa qal li dawn l-aħħar żviluppi wasslu għal paġna sewda fl-istorja ta’ din il-professjoni għax l-allegat aġir ta’ numru żgħir ta’ Accountants tefa’ dell qawwi fuqhom ilkoll.

Għalkemm kulħadd hu suġġett għall-iżbalji, kompla jgħid il-President tal-Istitut tal-Accountants, hemm żbalji u żbalji. Għax tenna li dak li qed joħroġ mill-Qorti qed jitfa’ l-professjoni f’ilmijiet imċajpra.

Fabio Axisa kkritika wkoll lill-Bord tal-Accountants – li jirregola l-professjoni – għall-mod kif, skont hu, qed jinjora proposti li għandhom itejbu l-infrastruttura regolatorja, fosthom tibdil fil-Liġi biex il-Bord ikun jista’ jieħu azzjoni fil-konfront ta’ min ikun allegatament abbuża, u biex ċerti servizzi jsiru biss minn Accountants professjonali.

L-Istitut tal-Accountants jirrikonoxxi li l-maġġoranza assoluta tal-Accountants jagħmlu xogħolhom b’integrità, professjonaliżmu u dedikazzjoni.

Min-naħa l-oħra, il-President ikkonferma li Brian Tonna u Karl Cini diġà kienu suġġetti għal investigazzjoni interna mill-Istitut stess, filwaqt li huma kellhom jirriżenjaw meta kienu għadhom għaddejjin il-proċeduri.

Filwaqt li appella lill-Accountants biex joqgħodu attenti xi klijenti jaċċettaw, Axisa tenna li l-Istitut mhux se jaċċetta fi ħdanu lil min jappoġġja strutturi li jiffaċilitaw il-kriminalità.