Lokali

Lynn Faure Chircop tgħid li saret taf “mill-Istazzjon Nazzjonali”

L-eks kandidata tal-Partit Laburista tgiddeb lil Robert Abela

L-eks kandidata tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali, l-Avukat Lynn Faure Chircop esprimiet il-konfużjoni tagħha fuq il-midja soċjali wara li waqt l-intervista li saritlu fuq il-programm fuq ix-Xandir tal-Istat, l-Erbgħa fost il-Ġimgħa…il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li stedinha d-dar għandu sabiex “ikomplu jitkellmu”.

Madanakollu Lynn Faure Chircop saħqet li kienet il-mara tal-Prim Ministru, Lydia Abela li ċemplitilha u stednitha għandhom…fuq il-premessa li jiddiskutu ras imb’ras…b’mod privat.

Hija saħqet li “mill-Istazzjon Nazzjonali” skopriet mod ieħor.

Fi tmiem il-ġimgħa Lynn Faure Chircop ħabbret pubblikament li kienet ser tkun qed tirtira l-kandidatura tagħha għall-Elezzjoni Ġenerali li ġejja mal-Partit Laburista fejn sostniet fuq il-midja soċjali li, “Meta t-triq li dħalt fiha qed twassal għall-mewt tal-prinċipji tiegħek, dur lura w emmen fik innifsek…ankè jekk tibqa’ mixja waħdek”

Filwaqt li insistiet li hi ħadet din id-deċiżjoni għaliex skont hi “kienet l-aħjar ħaġa li kellha tagħmel.”

Sussegwentament jum wara ppubblikat filmat fuq il-midja soċjali fejn saħqet li wara li stieden lilha u lir-raġel tagħha fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja… keċċihom ‘il barra.