Coronavirus Sport Waterpolo

“Ma konniex involuti fid-deċiżjonijiet li ttieħdu”- Joe Caruana Curran, President ASA

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-Presdient tal-Aquatic Sports Association, Joe Caruana Curran f’intervent waqt TVAM, il-programm ta’ ġrajjiet kurrenti li jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali stqarr li l-assoċjazzjonijiet sportivi ma kienux involuti mill-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa fid-diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni preżenti b’rabta mal-projbizzjoni tal-isport u d-deċiżjonijiet ta’ restrizzjonijiet biex ikun ikkontrollat it-tixrid tal-COVID-19 f’Malta. Din hija waħda mill-kritika komuni li qed issir mill-assoċċjazzjonijiet sportivi f’Malta lejn il-Gvern, li matul din il-pandemija rari jew qatt ma tkellem jew kkonsulta magħhom dwar din is-sitwazzjoni. Din l-istess kritika tkompli tgiddeb ukoll dak li qal il-Gvern, li dwar il-miżuri ta’ restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19 fl-isport, hu tkellem u kkomunika mal-assoċċjazzjonijiet sportivi lokali.

“Kif nistgħu nippretendu li l-atleti Maltin iġibu l-aqwa riżultati barra l-pajjiż meta mbagħad l-isport professjonali huwa kkunsidrat bħala passatemp”, żied jgħid Caruana Curran b’aċċenn għal kif minkejja l-isforzi tal-Kumitat Olimpku Malti biex jiltaqa’ mal-awtoritajiet ikkonċernati dan qatt ma seħħ. Dan il-kumment ta’ Caruana Curran kien b’reazzjoni lejn dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela, meta l-bieraħ filgħaxija fuq programm ieħor fuq l-istazzjon nazzjonali, irrefera għall-isport bħala passatemp. Dan il-kumment ta’ Abela kompla jirrabja lill-istess sportivi, kemm jekk huma atleti kif ukoll amministraturi, għaliex ikompli juri biċ-ċar in-nuqqas ta’ rispett li Abela u l-Gvern tiegħu għandhom lejn l-isport u l-isportivi f’Malta.

Fl-istess programm tkellem ukoll il-President tal-Malta Basketball Association, Pawlu Sultana li bħal Joe Caruana Curran, irreaġixxa għall-kumment tal-Prim Ministru dwar l-isport, u li xejn ma niżlu tajjeb ma’ dawk kollha li jiddedikaw ħinhom f’dan il-qasam, b’tant impenn, sagrifiċċju u professjonalitá.

Caruana Curran spjega kif tim tal-għawm lokali kellu jibqa’ t-Turkija biex ikun jista’ jitħarreġ malli kienu infurmati li l-isport f’pajjiżna se jibqgħa projbit. Il-President tal-ASA qal li dawn l-għawwiema mhux biss qed ikollhom jattendu għal-lezzjonijiet online mit-Turkija iżda dan kollu qed ikun ukoll ta’ piż finanzjarju għalihom.

Caruana Curran spjega kif huma m’humiex jitolbu li jibdew mal-ewwel bil-logħob kompetittiv iżda huwa meħtieġ li l-għawwiema jibdew jitħarrġu. Hu żied jgħid li bħalissa hemm ħames timijiet nazzjonali biss li qed jittrenjaw, fejn ingħataw l-esenzjoni mis-Supritendenza tas-Saħħa u dan għaliex fil-ġimgħat li ġejjin għandhom komptizzjonijiet internazzjonali.