Futbol Sport

Man Utd jirbħu…Arsenal miżmuma minn Slavia Prague

(Ritratt: EPA)

Illejla ntlagħbu l-ewwel legs mill-kwartifinali tal-UEFA Europa League bit-tieni legs ta’ din il-kompetizzjoni jintlagħbu bħal llum ġimgħa.

Manchester United barra minn darhom kisbu rebħa importanti ta’ 2-0 fuq Granada. It-tim mill-Ingilterra fetaħ l-iskor wara 31 minut meta minn ballun fit-tul ta’ Victor Lindelof, MARCUS RASHFORD niżżel tajjeb u wara li daħal fil-kaxxa kkonkluda għal 1-0. Fit-tieni taqsima, Manchester United baqgħu dominanti u skorjaw it-tieni gowl fil-91 minuta meta Yan Brice Eteki mbutta lil Bruno Fernandes fil-kaxxa bir-referee jsaffar penalty biex l-istess FERNANDES ma żbaljax.

Arsenal u Slavia Prague temmew fi draw ta’ 1-1 fl-Emirates Stadium. Arsenal kellhom ċans li jiftħu l-iskor fid-49 minuta meta l-freekick ta’ Willian ħabat mal-wieqfa u għadda barra. 13-il minuta wara, Arsenal għal darb’oħra perikolużi meta Alexandre Lacazette waħdu mal-goalkeeper ra t-tentattiv tiegħu jaħbat mal-mimduda. Arsenal fetħu l-iskor fil-85 minuta meta minn azzjoni tajba maħduma bejn is-sostituti Pierre-Emerick Aubameyang u NICOLAS PEPE, kien dan tal-aħħar li b’eleganza qabbeż minn fuq il-goalkeeper għal 1-0. Slavia Prague wettqu dak li deher impossibli meta fil-ħin mogħti żejjed fi tmiem it-tieni taqsima, minn corner ta’ Lukas Masopust, Ondrej Lingr sab lil TOMAS HOLES li mill-viċin xeħet ġewwa għal 1-1.

Fil-Johan Cruijff Arena, Roma wettqu rimonta tajba meta għelbu lil Ajax 2-1. Minkejja li t-tim ta’ Ajax ħareġ fuq l-offensiva fl-ewwel 20 minuta tal-partita, kien biss fid-39 minuta li fetħu l-iskor meta minn pass tajjeb ta’ Dusan Tadic, kien DAVY KLAASSEN li kkonkluda għal wara Pau Lopez. Fit-tieni taqsima, Ajax setgħu faċilment irduppjaw meta fit-52 minuta ngħataw penalty meta Roger Ibanez waqqa lil Dusan Tadic fil-kaxxa. Minn ħdax-il metru iżda Tadic ra lil Lopez isalva. Roma ġabu l-iskor indaqs fis-57 minuta permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ LORENZO PELLIGRINI. Roma rnexxielhom jirbħu l-konfront fl-aħħar tliet minuti meta wara żball fid-difiża ta’ Ajax, kien ROGER IBANEZ li kkonkluda għal 2-1.

Wara li eliminaw lil Tottenham Hotspur bl-aktar mod sorprindenti, Dinamo Zagreb tilfu l-ewwel leg kontra Villareal bl-iskor ta’ 1-0. Villareal fetħu l-iskor fit-42 minuta meta Kevin Theophile-Catherine deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa bir-referee wara konsultazzjoni mal-VAR jordna penalty. Minn ħdax il-metru, GERARD MORENO ma żbaljax.

UEFA EUROPA LEAGUE

KWARTIFINALI: Illum: Ajax v Roma 1-2, Arsenal v S. Prague 1-1, D. Zagreb v Villareal 0-1, Granada v Man Utd 0-2